Mingħajr ma nduru wisq mal-lewża, il-pandemija ġabet magħha tsunami sħiħ ta’ bidliet, ħsibijiet u emozzjonijiet. Mingħajr ma rridu ħasditna u xxukjatna.. min intlaqat mod u min ieħor .. min ftit u min ħafna.. Il-fatt li dan ġie fuqna mingħajr ma konna qed nistennewh, ħasadna.. u għalhekk xi wħud jista’ jkun li jkunu qed ibatu mill-ansjetà..
Min kien qed jaħdem fuq problemi li forsi kienu qed itaqqluh.. il-fatt li għaddejjin minn pandemija jitfa’ aktar pressjoni fuq il-persuna u jista’ jkun li nsibuha aktar diffiċli biex niffaċċjaw ċerti problemi.. allura ċ-ċans li wieħed iħossu ansjuż huwa akbar..
X’inhi l-ansjetà?
L-ansjetà hija reazzjoni naturali li joħloq il-ġisem meta jkun qed jiffaċċja l-istress. L-emozzjoni li tiddomina hija l-biża’ jew inkella ahjar il-biża’ ta’ x’jista’ jinqala.. is- sitwazzjoni li tkun trigger tista’ tkun waħda partikolari u/ jew tkun xi ħaġa li tagħmel parti mill-ħajja ta’ kuljum …
Skont ir-riċerka nindunaw li qed inbatu mill-ansjetà minħabba li nħossu xi wħud minn dawn is-sintomi:
Għeja, tqaħqiħa, qtugħ ta’ nifs, uġigħ fil-muskoli jew f’partijiet partikolari minn ġisimna, piż jew pressjoni fuq is-sider..xi drabi wkoll irritazzjonijiet tal-ġilda, il-qalb tgħaġġel, deni, uġigħ ta’ ras, diarrhea u tnemnim..
Meta nkunu ilna niġmaw ftit sew ġo fina ..
u ma nkunx ħadna azzjoni fuq dawn is-sintomi jista’ jkun ukoll nibdew inbatu minn attakki ta’ paniku…
X’inhuma eżatt dawn l-attakki ta’ paniku?
Meta nesperjenza panic attack inkunu qed nesperjenzaw biża’ intensa li ġġib magħha reazzjoni intensa meta mhemmx periklu reali..
Dawn l-attakki jistgħu jbeżżgħuna ħafna għax ħafna drabi nħossuna li qed nitilfu l-kontroll, jew li qed itina attakki tal-qalb jew li saħansitra qed immutu…
Kif nistgħu nipprevjenu milli jkollna panic attack?
Dawn huma xi strateġiji li nistgħu nużaw meta nkunu qed nesperjenzaw panic attack jew meta nħossu li se jaqbadna panic attack…
- Nifsijiet fil-fond… Meta jagħtina panic attack, nifisna jkun maqtugħ iżda jekk nieħdu nifsijiet fil-fond jistgħu jgħinu biex niġu f’tagħna aktar malajr. Importanti li nirrealizzaw li dak li qed inħossu huwa panic attack u mhux attakk tal-qalb.. importanti li niftakru li hi xi ħaġa temporanja, li dalwaqt tgħaddi u li dalwaqt tiġi f’tiegħek…
- Agħlaq għajnejk – xi wħud mill-panic attacks jiġu minħabba triggers li jġiegħluna ninkwetaw.. u jekk qiegħed jew qiegħda f’ambjent fejn hemm ħafna storbju u konfużjoni, iċ-ċans hu li jgħin li jkollok panic attack. Meta tagħlaq għajnejk dan jgħinek tiffoka fuq in-nifs tieghek stess..
- Ippratika l-mindfulness.. li tkun mindful jew aħjar tgħix il-mument… dan jgħinek tiffoka fuq ir-realtà li tinsab fiha… il-ħsibijiet li jikkawżaw l-ansjetà jġiegħluna ninqatgħu mir-realtà u allura nitilfu l-kontroll…Tista’ taħseb ukoll fil-fatt li qed tħoss saqajk mal-art.. u li hemm xi ħaġa li qed iżommok mal-art dan jgħinek terġa’ ssib il-bilanċ..
- Iffoka fuq oġġett partikolari.. sib oġġett partikolari u ffoka fuqu.. waqt li titfa’ għajnejk fuqu innota kull ħaġa dwaru … biex b’hekk moħħok jiffoka fuq l-oġġett u mhux fuq il-biża’ u l-ħsibijiet marbuta magħha…
- Muscle relaxation techniques – naqra naqra tista’ tirrilassa l-muskoli ta’ ġismek … tista’ tibda mis-swaba ta’ jdejk u tkompli bil-kumplament tal-ġisem..
- Aħseb f’post li jirrilassak… jista’ jkun bajja f’ġurnata xemxija bil- mewġ iħabbat ħafif ħafif mal-blat… jew xi kabina fil-muntanji… immaġina li qiegħda/qiegħed hemmhekk … ipprova immaġinak qed tħoss ir-ramel taħt saqajk jew inkella qed ixxomm ir-riħa tas-siġar u l-ħamrija mxarrba… dan hu mod ieħor kif tista’ tirrilassa..
- L-eżerċizzju – dan jista’ jgħinek ħafna żżomm lilek innifsek irrilassat… għax l-endorphins iżommu d-demm jippompja b’mod bilanċjat.. l-endorphines jgħinuna ukoll nħossuna aħjar… eżerċizzju ħafif bħal mixi u l- għawm jgħin ħafna biex inżommu l-bilanċ
- Il-lavender ukoll jgħin biex itaffi l-istress … jekk taf li tbati b’dan kollu importanti tagħmel ftit ma jdejk jew torqod b’tissue imċappsa bih taħt l-imħadda…
Jekk dawn t’hawn fuq ma ħadmux allura importanti li tfittex għajnuna professjonali… importanti li tifhem minn fejn ġej dan kollu… it-terapija tista’ tgħinek tifhem aħjar l-istorja tiegħek u tagħmel ħbieb ma’ dak li qed jbeżżgħek u joħloqlok stress żejjed… jista’ jkun li jkollok bżonn tieħu medication li tgħinek ittaffi dawn is-sintomi.. fir-realtà hemm min ikollu bżonn kemm terapija u anke viżta għand psikjatra..
Għalkemm nifhem li hemm min isibha diffiċli biex wieħed jagħmel dan il-pass għax bħal donnu hemm stigma, irridu nżommu f’moħħna li din hija eżattament bħal meta aħna għandna bżonn tabib għax għandna infezzjoni… jekk ma nfejquhiex l-affarijiet se jikbru.. l-istess hawnhekk .. għalfejn għandna nħallu dawn il-ħsibijiet u l-biżgħat jikkontrollawlna ħajjitna?
Awguri u tislijiet
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406