Select Page

Ftit jiem ilu tħabbar li pajjiżna laħaq il-herd immunity – imma dan xi jfisser?

X’inhi l-herd immunity?

Meta ħafna mill-popolazzjoni tkun immuni għal marda infettiva, din tipprovdi protezzjoni indiretta, jew immunità tal-popolazzjoni, imsejħa wkoll bħala herd immunity jew herd protection, lil dawk li mhumiex immuni għall-marda.

Pereżempju, jekk 80% tal-popolazzjoni hija immuni għal virus, erbgħa minn kull ħames persuni li jiltaqgħu ma’ xi ħadd bil-marda ma jimirdux u ma jxerrdux il-marda.

B’dan il-mod, it-tixrid ta’ mard infettiv jinżamm taħt kontroll. Skont kemm tkun kontaġġuża l-infezzjoni, ġeneralment 50% sa 90% tal-popolazzjoni teħtieġ l-immunità qabel ma jibdew jonqsu r-rati tal-infezzjoni. Madanakollu dan il-persentaġġ mhuwiex wieħed li jekk nilħquh ikun ifisser li r-riskji spiċċaw kompletament, speċjalment għal virus ġdid. Kemm l-evoluzzjoni virali kif ukoll bidliet fil-mod ta’ kif in-nies jinteraġixxi ma’ xulxin jistgħu jġibu dan in-numru ‘l fuq jew ‘l isfel. Taħt kull limitu ta’ persentaġġ ta’ herd immunity, l-immunità fil-popolazzjoni (pereżempju, mit-tilqima) xorta jista’ jkollu effett pożittiv, u ‘l fuq mil-limitu, xorta jista’ jkun hemm infezzjonijiet.

Aktar ma jkun għoli l-livell ta’ immunità, aktar ikun kbir il-benefiċċju. Din hija r-raġuni għaliex huwa importanti li jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies.

Madanakollu, jekk pereżempju nwaqqfu d-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra, u nneħħu l-limitu ta’ numru ta’ nies li jistgħu jiltaqgħu fi gruppi, speċjalment f’postijiet magħluqa, nibqgħu naraw l-infezzjonijiet jiżdiedu. Il-virus jista’ jinfetta u joqtol ħafna aktar nies qabel ma l-programm tat-tilqim jasal għand kulħadd.

L-imwiet mhumiex l-unika problema. Aktar ma jiġu nfettati nies, aktar hemm ċans li l-herd immunity tkun inqas effettiva għaliex dan jista’ jżid ir-riskju ta’ trażmissjoni, inaqqas l-effett tal-vaċċin u jagħmel il-pandemija aktar diffiċli biex tiġi kkontrollata fit-tul.

Għalhekk huwa importanti li filwaqt li bil-mod il-mod nerġgħu nippruvaw niksbu ftit normalità f’ħajjitna, inkomplu nsegwu r-regoli u l-miżuri kollha għal ġid tagħna lkoll.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks