Anna, mara ta’ 62 sena u nanna ta’ tnejn, tirrakkonta dwar is-sofferenza li għaddiet minnha meta sfat vittma ta’ vjolenza domestika.

B’emozzjoni u uġigħ li għadha ġġorr magħha sal-lum, Anna tirrakkonta kif wara li sfat armla ta’ età żgħira, iltaqgħet ma’ xi ħadd li miegħu għall-ewwel kollox beda sejjer sew, saħansitra anki bdew jgħixu flimkien.

Wara biss ftit xhur, bdiet tara bidla kbira fil-partner tagħha. Bidla li wasslitha għal esperjenza qarsa ta’ vjolenza domestika li affettwata kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Hija tispjega kif darba waħda rat in-numru tal-helpline tal-YMCA fuq it-televiżjoni u ddeċidiet li ċċempel, u minnufih sabet l-għajnuna li tant kellha bżonn u li għadha tingħata sal-lum.

Bħal Anna hemm mijiet ta’ persuni oħrajn li għaddejjin minn esperjenzi simili u differenti ta’ kull tip ta’ abbuż.

Minkejja li Anna għamlet użu mill-helpline tal-YMCA, hemm ħafna oħrajn li mhux biss jagħmlu kuntatt permezz tal-helpline iżda jirrikorru għall-YMCA minħabba li għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Minbarra li l-YMCA tipprovdi l-għajnuna u sapport morali u psikoloġiku, tipprovdi wkoll shelter għal dawn il-persuni, iżda tant il-bżonn dejjem jiżdied aktar li waslu fi stat li ma jistgħux iżommu aktar nies minħabba problema ta’ spazju.

Għaldaqstant, għall-ewwel darba, għada 30 ta’ Mejju, il-YMCA se tkun qed ittella’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi bit-tema ta’ soliDARjetà, sabiex tkun tista’ tkabbar Dar Niki Cassar u b’hekk ikollha aktar spazju biex tipprovdi l-għajnuna lil aktar vittmi.

Għada, minn nofsinhar sa nofsillejl, b’xandira fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, int tista’ tkun parti minn din il-maratona.

Int tista’ turi soliDARjetà u tagħti sehmek permezz ta’ donazzjoni billi ċċempel fuq:

51702068 – €15

51802007 – €25

51902073 – €50

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks