“Ilbieraħ kienet ġurnata stramba.
Mhux normali.
Ma stajtx nifhem ir-raġuni għalfejn ma stajtx inqum minn ġos-sodda tiegħi. Kellu jgħini nqum sieħbi Kurt.
“Toqgħodx tinkwieta, sbejjaħ…………” beda jgħidli.
Refagħni u niżżilni t-taraġ. Kemm hu ġentili hux! Normalment kont ninżel waħdi. Imma lbieraħ ma stajtx!
Kurt fetaħ il-bieb u ħriġna t-tnejn ‘il barra. Għalkemm verament ħadt gost għaliex ir-raġġi fietla tax-xemx kienu bdew iwennsuli l-pil kannella ċar li kelli fuq dahri, bdejt ninkwieta għaliex bdejt inħoss saqajja qishom jogħtru!
“Agħmel xogħlok sabiħ!” beda jgħidli Kurt bi tbissima.
Għalkemm bdejt inferfer denbi, ħassejt qalbi kważi tinqasam xħin rajt wiċċ Kurt qisu ferħan u mdejjaq fl-istess ħin.
Kurt.
Kurt kien kollox għalija.
Kien ħajti.
U jien kont ngħix għalih.
L-ewwel darba li kont rajtu, kont irbatt qalbi miegħu mill-ewwel! U kont għidtlu, għidtlu, “Kurt, jien tiegħek għal dejjem!” F’idejh kellu borża li kien dejjem iġorr miegħu kull darba li konna noħorġu.
“Inkomplu nimxu, Benny?” staqsieni, b’għajnejh kbar, kbar.
Ridt inwieġbu. Ridt ngħidlu li iva, imma lbieraħ kienet ġurnata stramba. Donnu s-saħħa kollha li kelli, kienet qiegħda tħallini bilmod.
Morna nimxu.
It-triq tas-soltu.
Minjaf kemm-il darba konna tlajna dik l-għolja fi żmienna! Iżda donnha t-telgħa dehret aktar kerha mis-soltu. Aktar twila. Aktar kiefra. Saqajja bdew jgħejjew.
Ħarsa waħda.
Ħarsa waħda tajtu.
U hu……….
Hu fehemni.
Ħassejt lil Kurt imellisli l-pil. U naf, naf li għajnejja xegħlu.
Ħassejtni ferħan, hekk kif dejjem kont inħossni!
Ħallejtu jerfagħni u bdejt nilgħaqlu wiċċu kif dejjem kont nagħmel. Smajtu jidħaq. Imma d-daħqa tiegħu llum kienet kemmxejn differenti. Kien qisu xi ftit imdejjaq.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi