Xi drabi, speċjalment fi żmien il-Covid-19, mhuwiex dejjem possibbli biex nagħmlu dak li nkunu nixtiequ, partikolarment meta t-tfal kienu dejjem qed ikunu d-dar minħabba l-għeluq tal-iskejjel. Forsi għandek il-partner t/jaħdem u inti qiegħed/qiegħda d-dar, jew forsi t-tnejn li intom taħdmu u ssibuha diffiċli biex tqattgħu ħin flimkien, dan mhux bilfors sess imma forsi ma ssibux il-ħin u ċ-ċans biex titkellmu jew tqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. Il-ħajja sesswali tiegħek forsi mhijiex il-mod kif tixtieqha inti. L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biex int li qed taqrah issibu bħala mezz biex ittejjeb ir-relazzjoni mal-maħbub/a tiegħek.

Diversi studji jgħidu li relazzjonijiet sesswali huma tajbin għas-saħħa fiżika u anke għas-saħħa mentali. Is-sess jgħin ukoll sabiex wieħed iħossu aħjar emozzjonalment.

L-ewwel u qabel kollox, importanti li tkunu intimi ma’ xulxin. Forsi għal ċerti nies hija ovvja imma mhuwiex dejjem il-każ għal kulħadd. Billi tkun intimu ma jfissirx biss fis-sess, iżda jfisser li tkunu intimi emozzjonalment ukoll. Dan iseħħ meta ssibu ħin biex titkellmu ma’ xulxin anke fuq affarijiet li huma ‘żgħar’ (jew affarijiet ta’ kuljum), bħal fuq kif kienet il-ġurnata tiegħek jew kif mort ix-xogħol.

Is-sesswologu, Matthew Bartolo jgħid, “Li tgħix mat-tfal mhi faċli xejn tqatta’ ħin intimu, jekk b’ħin intimu tistenna l-istess mumenti li kellkom qabel ma kellkom it-tfal. Il-verità hi li jekk ma tisraqx mumenti flimkien għal xi bewsa jew tagħfisa, jew tippjana mumenti fejn it-tfal se jkunu ma’ adult ieħor, se tispiċċaw mingħajr ħajja sesswali.”

“Għandna bżonn nimxu lil hinn mill-idea ta’ ‘kollox jew xejn’ (all or nothing) għax ma tgħinx il-ħajja sesswali. Biex iżżomm il-ħajja sesswali għaddejja billi kultant tibgħat messaġġ, ritratt, tagħfas lis-sieħba tiegħek waqt li għaddejin minn ħdejn xulxin, sess orali, eċċ. Ħafna koppji jinsistu li s-sess mingħajr penetrazzjoni mhux sess komplut. Din l-idea ġejja minn kultura fejn l-għan tas-sess hu biss dak tal-orgażmu, meta f’relazzjoni l-konnessjoni għandha tilgħab parti wkoll.”

Avolja t-tfal huma parti importanti tal-ħajja tagħkom, m’hemmx għalfejn li titkellem dwar uliedek il-ħin kollu, qabel ma kellkom it-tfal – fuq xiex kontu titkellmu? Tajjeb li ssibu xi ħaġa li għandkom komuni u titkellmu dwarha. Imbagħad hemm ukoll intimità fiżika fejn pereżempju jekk tgħannqu lil xulxin tħossukom aktar intimi f’dan l-aspett. Affarijiet żgħar li jfissru ħafna. Ir-riċerka turi li koppji li jbusu u jkollhom kuntatt fiżiku ma’ xulxin, huwa relatat ma’ relazzjonijiet pożittivi. Dan għaliex l-oxytocin (li huwa hormone assoċjat mal-kuntentezza) huwa mreddes filwaqt li l-livelli tal-cortistol jinżlu (cortistol huwa l hormone assoċjat mad-dwejjaq u stress) meta hemm kuntatt fiżikali bejn il-maħbubin.

Idea tajba oħra hija li ssibu lil xi ħadd li jkun jiista’ jieħu ħsieb lit-tfal ħalli jkollkom aktar ħin għalikom fejn tistgħu tesploraw lil xulxin bħala koppja. Mhux dejjem se jkun hemm in-nanniet li jkunu jistgħu jgħinu, f’dak il-każ, aħna qiegħdin hawnhekk għalik, it-tim tal-Willingness għandu s-servizz taċ-‘Childminders’. ‘Willingness Childminders’ huwa tim professjonali u b’esperjenza biex jieħdu ħsieb lil uliedkom, jagħmlu attivitajiet bħat-tpenġija u logħob edukattiv. Tista’ tagħżel liema persuna tixtieq li jieħu ħsieb uliedek minn fuq is-siti elettroniċi tagħna: Childminding – Willingness jew ChildMinders (childmindersmalta.com)

Dr. Mintz (2009) hija sessoloġista li temmen li hija idea tajba li l-koppji jippjanaw rutina għas-sess. Dan huwa essenzjali meta l-koppja tħossha għajjiena u stressjata. Dr. Mintz tispjega wkoll kif il-kobor tad-dar tinfluwenza r-relazzjoni sesswali bejn il-koppji, minħabba s-sempliċi raġuni li f’dar żgħira huwa aktar faċli li tagħmlu ħin flimkien bħala familja. Avolja dan huwa sabiħ fil-modi tiegħu biex tiksbu ħin għalikom, tridu taħsbu f’ideat innovattivi. Ħin ta’ kwalità tajjeb għalik u l-partner tiegħek. Dan il-ħin jista’ jkun waqt li t-tfal ikunu qed jagħmlu x-xogħol tad-dar jew ikunu qed jaraw xi programm televiżiv, b’hekk huma għandhom distrazzjoni fejn intom ikollkom siegħa jew sagħtejn għalikom. Il-faċendi huma essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum, imma jekk taqbiżhom għal lejl wieħed biex jkollok naqra ħin mal-partner m’inti tagħmel xejn ħażin!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks