Select Page

L-inkurunazzjoni hija ċerimonja li timmarka l-mument li sovran jiġi inawgurat fil-kariga billi jirċievi l-kuruna, li hija s-simbolu ewlieni tal-awtorità regali.

Fl-1937, il-Prinċipessa Eliżabetta ta’ 11-il sena kienet rat lil missierha, ir-Re Ġorġ VI, inkurunat fiċ-ċerimonja elaborata u 16-il sena wara fit-2 ta’ Ġunju kellha ssir l-inkurunazzjoni uffiċjali tagħha stess.

L-inkurunazzjonijiet ilhom isiru f’Westminster Abbey għal 900 sena u l-istess sar għall-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta, iżda l-inkurunazzjoni tal-1953 kienet innovattiva fiha nnifisha. L-ewwel waħda li qatt ġiet imxandra fuq it-televiżjoni, kienet segwita minn 27 miljun persuna fir-Renju Unit biss u miljuni ta’ udjenzi oħra madwar id-dinja.

Skoprejna ftit fatti interessanti dwar dak il-jum notevoli tat-2 ta’ Ġunju, 1953..

Westminster Abbey ilu l-post għal kull inkurunazzjoni mill-1066. Qabel ma nbniet l-Abbey, l-inkurunazzjonijiet kienu jsiru kull fejn kien konvenjenti, u saru f’Bath, Oxford u Canterbury.

Ir-Reġina Eliżabetta II ġiet inkurunata fit-2 ta’ Ġunju, 1953 f’Westminster Abbey. Il-Maestà tagħha kienet id-disa’ u tletin sovran li ġew inkurunati f’Westminster Abbey.

Ir-Reġina Eliżabetta II hija s-sitt Reġina li ġiet inkurunata f’Westminster Abbey. L-ewwel waħda kienet ir-Reġina Marija I, li ġiet inkurunata fl-1 t’Ottubru, 1553.

Ir-Reġina kisbet it-tron mal-mewt ta’ missierha, ir-Re Ġorġ VI. Kienet il-Kenya dak iż-żmien u saret l-ewwel sovrana f’aktar minn 200 sena.

In-nanna tar-Reġina, ir-Reġina Marija, ta’ 81 sena kienet l-ewwel Reġina li rat neputija tikseb it-tron. Madanakollu, hija mietet qabel ma saret l-inkurunazzjoni.

Is-servizz tal-inkurunazzjoni użat għar-Reġina Eliżabetta II dixxendenti direttament minn dak tar-Re Edgar f’Bath fl-973. L-ordni tas-servizz oriġinali tas-seklu 14 kienet miktuba bil-Latin u ntużat sal-inkurunazzjoni ta’ Eliżabetta I.

L-inkarigat Earl Marshal huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tal-inkurunazzjoni. Mill-1386 il-pożizzjoni ttieħdet mid-Duka ta’ Norfolk. Is-16-il Duka ta’ Norfolk kien responsabbli għall-inkurunazzjoni tar-Reġina fl-1953 u kien ukoll responsabbli għall-funeral tal-Istat ta’ Sir Winston Churchill (1965) u l-investitura tal-Prinċep ta’ Wales (1969).

Ir-Reġina u d-Duka ta’ Edinburgu kienu misjuqa mill-palazz ta’ Buckingham għal Westminster Abbey fil-Gold State Coach, miġbuda minn tmien żwiemel griżi: Cunningham, Tovey, Noah, Tedder, Eisenhower, Snow White, Timperley u McCreery.

Il-bukkett tal-inkurunazzjoni kien magħmul minn fjuri bojod, orkidej u lilies of the valley mill-Ingilterra, stephanotis mill-Iskozja, orkidej minn Wales u qronfol mill-Irlanda ta’ fuq u l-Isle of Man.

Id-Duka ta’ Edinburgu libes uniformi Navali għall-vjaġġ lejn u mill-Abbey. Waqt li kien fl-Abbey, huwa libes kurunetta u l-libsa tad-Duka tiegħu fuq l-uniformi.

Il-libsa tar-Reġina, iddisinjata mid-disinjatur Ingliż tal-moda Norman Hartnell, kienet magħmula minn satin abjad u rrakmata bl-emblemi tar-Renju Unit u tal-Commonwealth b’ħajt lewn id-deheb u l-fidda.

Mill-inkurunazzjoni, ir-Reġina libset il-libsa tal-inkurunazzjoni sitt darbiet inkluż fil-ftuħ tal-Parlament fi New Zealand u l-Awstralja fl-1954.

Is-sefturi, il-koki u l-ġardinara tal-palazz ta’ Buckingham inġabru ġewwa l-Grand Hall fil-palazz ta’ Buckingham biex jaraw lir-Reġina titlaq lejn Westminster Abbey.

Is-servizz tal-inkurunazzjoni tar-Reġina beda fil-11:15 u dam kważi tliet sigħat.

Fi triqitha lejn l-inkurunazzjoni, il-Maestà tagħha libset id-Diadema tal-Istat George IV, il-kuruna murija fuq il-bolol. Magħmula fl-1820, id-Diadema fiha l-ward, shamrocks u thistles b’1,333 djamant u 169 perla.

Il-purċissjoni tas-sovran kienet magħmula minn 250 persuna inklużi mexxejja tal-Knisja, Prim Ministri tal-Commonwealth, membri tal-familja Rjali, mexxejja ċivili u militari u l-Yeoman of the Guard.

L-Arċisqof ta’ Canterbury mexxa s-servizz, dmir li kien ilu jitwettaq mill-Konkista fl-1066. Għall-ewwel darba fl-1953, ħa sehem ukoll rappreżentant ta’ Knisja oħra, il-moderatur tal-Knisja tal-Iskozja.

Is-servizz tal-inkurunazzjoni sar f’sitt partijiet: ir-rikonoxximent, il-ġurament, id-dlik taż-żejt (anointing), l-investitura (li tinkludi l-inkurunat), l-intronizzazzjoni u l-ġieħ.

Ir-riċetta għaż-żejt fiha żjut tal-larinġ, ward, kannella, musk u ambra. Normalment isir lott biex iservi għal aktar inkurunazzjonijiet, iżda f’Mejju tal-1941 bomba li laqtet id-Dekanat qerdet kollox, u għalhekk sar lott ġdid.

Waħda mill-istallazzjonijiet l-aktar notevoli għall-inkurunazzjoni kienet l-anness fit-tard tal-punent ta’ Westminster Abbey. Dan ipprovda l-ispazju meħtieġ li fih il-purċissjonijiet setgħu jiffurmaw u jinfirxu li ma jidhrux mill-folol.

Il-Prinċep Charles irċieva stedina speċjali tat-tfal miżbugħa bl-idejn għall-inkurunazzjoni t’ommu u kien l-ewwel tifel li ra lil ommu tiġi nkurunata bħala sovran. Il-Prinċipessa Anne ma attendietx Iċ-ċerimonja billi kienet meqjusa żgħira wisq.

Total ta’ 8,251 mistieden attenda ċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni tar-Reġina f’Westminster Abbey.

129 nazzjon u territorju kienu rrapreżentati uffiċjalment fis-servizz tal-inkurunazzjoni.

Xi nies fl-Abbey raw ir-raba’ inkurunazzjoni tagħhom. Il-Prinċipessa Marie Louise (in-neputija tar-Reġina Victoria) kienet rat ukoll l-inkurunazzjonijiet tar-Re Edward VII (1902), ir-Re Ġorġ V (1911) u r-Re Ġorġ VI (1937).

Ir-Reġina ġiet inkurunata fis-St Edward’s Chair, li kien magħmul fl-1300 għal Edward u baqa’ jintuża’ f’kull inkurunazzjoni minn dak iż-żmien. Huwa miżmum b’mod permanenti f’Westminster Abbey.

Il-kuruna ta’ St Edward, magħmula fl-1661 minn deheb solidu, tqiegħdet fuq ras ir-Reġina waqt is-servizz tal-inkurunazzjoni.

Wara l-kuruna, l-orb, magħmul ukoll fl-1661, kien l-iktar biċċa importanti tar-regalia. Huwa globu tad-deheb imdawwar b’salib imdawwar b’medda ta’ djamanti, żmeraldi, rubini, żaffir u perli b’ametista kbira fis-summit.

Iċ-ċurkett tal-inkurunazzjoni, magħruf bħala The Wedding Ring of England tpoġġa fuq ir-raba’ saba’ tal-id il-leminija tar-Reġina skont it-tradizzjoni. Magħmul għall-inkurunazzjoni tar-Re William IV fl-1831, iċ-ċurkett ilu jintlibes f’kull inkurunazzjoni minn dakinhar, ħlief għar-Reġina Victoria, li s-swaba tagħha kienu tant żgħar li ċ-ċurkett ma setax jitnaqqas biżżejjed għad-daqs tagħha u nħolqot alternattiva.

Il-kopertura tal-BBC tal-inkurunazzjoni kienet żvilupp kbir għall-istorja tax-xandir. Kien l-ewwel servizz li ġie televiżiv u għal ħafna nies, kienet l-ewwel darba li kienu qed jaraw avveniment fuq it-televiżjoni.

27 miljun persuna fir-Renju Unit (mis-36 miljun popolazzjoni) segwew iċ-ċerimonja fuq it-televiżjoni u 11-il miljun semgħuha fuq ir-radju.

Kien hemm aktar minn 2,000 ġurnalist u 500 fotografu minn 92 nazzjon fuq ir-rotta tal-inkurunazzjoni.

Fost il-ħafna ġurnalisti barranin kien hemm Jacqueline Bouvier, li dak iż-żmien kienet taħdem għall-Washington Times-Herald u li aktar tard saret il-First Lady tal-Amerika bħala Jackie Kennedy.

Il-Kuruna tal-Istat Imperjali li ntlibset mir-Reġina waqt ir-ritorn tagħha lejn il-palazz ta’ Buckingham, kien fiha erba’ perli tradizzjonalment maħsuba li kienu l-imsielet tar-Reġina Eliżabetta I.

Numru ta’ ritratti uffiċjali ttieħdu fil-palazz ta’ Buckingham wara l-inkurunazzjoni, iżda l-aktar memorabbli huma dawk meħuda minn Cecil Beaton. Għall-immaġni definittiva tiegħu huwa poġġa lir-Reġina quddiem sfond li juri l-kappella ta’ Henry Vii f’Westminster Abbey.

L-artist uffiċjali għall-inkurunazzjoni kien l-artist Pollakk Feliks Topolski, li pproduċa rekord permanenti tal-okkażjoni fil-kuritur t’isfel tal-palazz ta’ Buckingham. Il-pittura saret f’14-il sezzjoni, kull waħda għolja ħafna aktar minn metru.

Il-Lord Lieutenants tar-Reġina kkummissjonaw lill-artist Terence Cuneo biex ipinġi ċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni u fl-1954 Herbert James Gunn pitter state portrait tar-Reġina fl-ilbies tagħha tal-inkunurazzjoni.

Fit-2 ta’ Ġunju tal-1953, waslet l-aħbar li Edmond Hilary u Tenzing Norgay kienu waslu sal-quċċata tal-muntanja Everest. Ir-Reġina ppreżentat lill-14-il membru tal-expedition b’edizzjonijiet speċjali ta’ midalji tal-inkurunazzjoni bil-kliem ‘Mount Everist Expedition’.

L-ewwel mawra tagħha barra l-pajjiż li għamlet ir-Reġina wara l-inkurunazzjoni kienet lejn il-Bermuda, il-Ġamajka, il-Panama, Fiġi, Tonga u New Zealand li bdiet f’Novembru tal-1953. Irritornat fl-1954 u żaret l-Awstralja, Ceylon (issa s-Sri Lanka), Aden u l-Uganda. Hija u sejra lura d-dar minn Aden, għaddiet minn Malta u Ġibiltà .

Fl-24 ta’ Ġunju tal-1963, l-Unuri tal-Iskozja (il-kuruna, ix-xettru u x-xabla) inġarru quddiem ir-Reġina f’purċissjoni mill-palazz ta’ Holyroodhouse sal-Katidral ta’ St Giles.

Qatt ġietek kurżità minn fejn oriġinat il-coronation chicken u għaliex tissejjaħ hekk?

Il-coronation chicken inħolqot fl-1953, meta l-florist rinomat Constance Spry u x-chef tal-cordon bleu Rosemary Hume ħadu ħsieb l-ikel taċ-ċelebrazzjoni tal-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II. Huwa maħsub li ġiet ispirata mill-Jubilee Chicken maħluqa għall-ġublew tal-fidda ta’ George V fl-1935.

Dak iż-żmien ir-riċetta kienet ippubblikata b’mod wiesa’ u għalhekk setgħet titgawda fil-festini tat-toroq madwar il-Gran Brittanja iżda mhux kulħadd seta’ jagħmel dan.

L-ingredjenti użati kienu notevoli għal żmienhom, b’ħafna minnhom li kienu għadhom kemm jiġu disponibbli, filwaqt li l-maġġoranza tal-pajjiż kienet għadha taħt ir-restrizzjonijiet tar-razzjonar ta’ wara l-gwerra.

Ir-riċetta oriġinali kienet tikkonsisti f’tiġieġ żgħar inkaljati, ilma, ftit inbid, karrotta, garni, melħ, bżar u krema bil-kari.

Jingħad li l-platt li ġie servut fiċ-ċelebrazzjoni tal-inkurunazzjoni tar-Reġina kien jikkonsisti f’biċċiet tat-tiġieġ, b’tarf wieħed ta’ kull dixx, insalata mħawwra tar-ross, piżelli u pimentos.

Verżjoni kemxejn aktar żviluppata ta’ din ir-riċetta għadha l-favorita tan-nazzjon sal-lum.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks