Select Page

B’konforma mat-tradizzjoni, il-kantawtriċi emerġenti Enya Magri ħarġet Feelin’, kanzunetta ġdida li ssegwi b’mod perfett: Safe Haven u Summer Lights, il-materjal mużikali li nediet tul dawn l-aħħar sentejn. Feelin’ hija kanzunetta oriġinali li tat lil Enya l-opportunità li tikber, timmatura u tesperimenta bil-ġeneri tal-mużika pop u elettronika, ġeneri li mhux biss jikkumplimentaw lil xulxin imma l-istaġun sajfi li qiegħed magħna.

Permezz ta’ Facebook u Instagram, il-mezzi tal-midja soċjali li hija tiffrekwenta l-aktar, f’nofs il-ġimgħa l-oħra, Enya qasmet mas-segwaċi ritratt meħud minn Kris Micallef li reġa’ ġie mmoddifikat xi ftit minn Jody Magri biex jiġi użat bħala l-wiċċ tal-kanzunetta. It-test miktub kien jaqra: “Feelin’ hija speċjali għalija għaliex ktibt kemm il-melodija kif ukoll il-lirika jien stess, b’Cyprian Cassar responsabbli mill-produzzjoni”.

Jakkumpanja t-tnedija tal-kanzunetta, vidjow mużikali b’direzzjoni ta’ Matthew Muscat Drago, u bil-parteċipazzjoni ta’ Damian Buhagiar, iż-żeffien; kantant u attur li għadu kemm irritorna lura Malta wara li għamel il-parti ta’ Pepper fil-musical rinomat MAMMA MIA! ġewwa l-West End f’Londra. Iffilmjat f’dak li jidher studjow tat-televixin, attwalment il-post huwa residenza privata, post lil Enya ddeskriviet fuq il-mezzi tal-midja soċjali tagħha bħala “it-tieni dar tagħha, fejn għandha diversi memorji tat-tfulija tagħha”, minħabba li din hija d-dar tan-nanna li ħallietna ftit tax-xhur ilu.

L-istil tal-vidjow mużikali kien idea maħluqa mit-tim ta’ Enya, idea li wkoll torbot tajjeb ħafna mal-ġeneru tal-kanzunetta u li tilqa’ lil dak li jkun qiegħed jara, mill-ewwel sekondi.

Mil-lum, Feelin’ hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks