Il-Jum Internazzjonali tat-Tfal Innoċenti li huma Vittmi ta’ Aggressjoni huwa jum ta’ osservanza annwali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-4 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

Il-ġurnata ġiet deċiża f’Awwissu tal-1982 f’assemblea speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), meta membri tal-istat għarfu s-sinjifikat tal-impatt tal-kunflitt fuq it-tfal u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni u titqajjem kuxjenza. L-assamblea adottat ir-Riżoluzzjoni 51/77 dwar id-drittijiet tat-tfal, li nħolqot minn sforzi diġà kienu għaddejjin biex tipproteġi d-drittijiet tat-tfal f’kunflitt. L-impatt tal-gwerra fil-Libanu kienet l-ispirazzjoni għal din il-ġurnata.

Sfortunatament, it-tfal huma fost l-aktar vittmi innoċenti ta’ uġigħ u tbatija. Madwar id-dinja, ħafna tfal jgħixu f’żoni fejn il-gwerra u l-kunflitt huma parti mill-ħajja tagħhom u dan qiegħed dejjem jiżdied.

Skont statistiċi, aktar minn 536 miljun tifel u tifla jgħixu f’pajjiżi affettwati minn kunflitt jew diżastri. Aktar minn 50 miljun tifel u tifla ġew maħruġa minn darhom. Meta jiġri dan, iżid il-vulnerabilità tagħhom għall-vjolenza u l-isfruttament. Dan huwa dovut l-aktar għall-fatt li dawn it-tfal isiru orfni jew huma separati mill-familji tagħhom.

L-abbuż emozzjonali, fiżiku, sesswali u mentali huwa wkoll realtà għal miljuni ta’ tfal madwar id-dinja, li ħafna drabi jikkawża anki mewt, inklużi vjolenza sesswali, ħtif, ċaħda ta’ aċċess umanitarju, u attakki fuq skejjel u sptarijiet.

Huwa stmat li 200 miljun tifel u tifla jkunu vittmi ta’ vjolenza sesswali kull sena.

Il-pajjiżi fejn it-tfal huma l-inqas siguri jinkludu: Il-Pakistan, l-Eġittu, il-Możambik, il-Vjetnam, iċ-Ċina, l-Arġentina, ir-Russja, in-Niġerja u l-Indoneżja.

In-NU tirrikonoxxi li hemm bżonn li jsir aktar biex jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn it-tfal u tiġi enfasizzata t-tbatija tagħhom.

Dan il-jum jafferma l-impenn tan-NU għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u l-għan huwa li tenfasizza t-tbatija ta’ tfal li huma vittmi ta’ abbużi bħala riżultat ta’ kunflitt. Hija opportunità għall-pubbliku globali biex jitgħallem dwar it-tbatija tat-tfal f’żoni ta’ kunflitt.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks