Select Page

Imma jiena ma’ stajtx nifhem għalfejn.
Is-soltu kien iħallini niġri ftit fil-ġnien, iżda llum reġa’ poġġieni fis-sodda tiegħi. Rajt wiċċu nkwetat, hekk kif mar fil-kċina u ġab dak il-bott li kellu kelb fuqu. Il-bott favorit tiegħi, li malli jiftħu tgħidx kemm kienet toħroġ riħa tfuħ!
Iżda le, ma ħarġitx riħa tfuħ minnu. Anzi bejnietna, donnu narah biss kien qed idejjaqni.
Għalkemm Kurt poġġieh fi plattina nadifa, maġenb buqar ilma frisk qrib is-sodda tiegħi, ħarist in-naħa l-oħra għax ridtu jinduna li ma kellix ġuħ.
U kien dak il-ħin, dak il-ħin, li bdejt inħoss il-bard.
“Trid kutra?” staqsieni, għajnejh ileqqu bid-dmugħ.
Tgħid għalfejn kien beda jibki? Tgħidx kemm ħassejtni ħażin! Verament kienet tinqasam qalbi, kull darba li kont narah imdejjaq.
Iżda dak il-ħin…………………
Dak il-ħin kien imdejjaq iżjed mis-soltu!
Rajtu sejjer iġibli kutra żgħira, b’rasu baxxuta lejn l-art, ħsejjes ta’ qsim il-qalb ħerġin minn fommu.
U malli ħassejt il-kutra fuq dahri, ħassejt il-wens………….ħassejt wens kbir, speċjalment xħin Kurt beda jħokkli wara widnejja! Bla ma rrid, eżatt malli jogħrokli dik il-parti fina, kienet tiċċaqlaq saqajja mingħajr ma ninduna! Kont nagħlaq għajnejja u nieħu gost!
Iżda llum, sieqi donnha ċċaqalqet bilmod aktar mis-soltu. Donnha kienet xi ftit għajjiena bħall-kumplament ta’ ġismi kollu.
Għalaqt għajnejja u erġajt irqadt.
Sadanittant kont naf li Kurt kien qed iċempel lil xi ħadd bil-mobajl. Smajt leħnu fil-viċin, imbagħad fid-distanza. Ħassejtni trankwill. Rilassat. U għajjien ħafna. Ħallejt in-ngħas jieħu kontroll ta’ ġismi kollu.
Imbagħad stenbaħt għax smajt taħbita ħafifa mal-bieb ta’ barra.
Is-soltu kont inqum ninbaħ, nifraħ u nħossni mħasseb għal min seta kien hemm hemm barra, kollox fl-istess ħin.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks