Permezz ta’ filmat li tella’ fuq il-midja soċjali tiegħu, Andrew Borg Carbott, impretidur u direttur tal-kumpanija Cacti, esprima ħsibijiet u t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li qed jittellgħu diversi filmati fuq portals tal-aħbarijiet u mezzi oħrajn tal-midja li juru persuni nvoluti fi ġlied u saħansitra jiġu fl-idejn.
Huwa qal li ma jaqbilx li individwi li jkunu nvoluti f’dawn it-tip ta’ każijiet jiġu esposti. Żied jgħid li kulħadd jista’ jispiċċa f’sitwazzjonijiet simili.
Qal li dan l-atteġġjament min-naħa ta’ dawn il-portals u mezzi oħrajn tal-midja huwa diżrispett lejn l-individwu li jiġi espost, lejn l-udjenza li ssegwi l-kontenut, lejn l-isem tal-kumpanija, u anki lejn l-industrija tal-midja u l-ġurnaliżmu, għaliex skont hu, dawn il-filmati jittellgħu biss biex iżidu l-views u r-rispons fil-paġni tagħhom.
Andrew ikkonkluda l-filmat billi għamel sfida lil dawn il-portals billi staqsihom x’inhu l-valur tal-aħbar ta’ filmati bħal dawn u għaliex jaħsbu li l-udjenza tagħhom tħoss il-bżonn li tarahom, u jekk artiklu kienx ikun biżżejjed mingħajr ma jiġu esposti persuni f’ħin ta’ vulnerabilità.
