Select Page

B’reazzjoni tar-riżultat ta’ survey li għadu kif ħareġ mill-MaltaToday dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-partiti, Peppi, permezz ta’ filmat din id-darba jaqsam l-opinjoni tiegħu dwar kif jaħseb li l-Partit Nazzjonalista jista’ jidħol fiċ-ċans li jirbaħ l-elezzjoni.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu huwa qal li jemmen li dan il-pajjiż għandu bżonn li l-Partit Nazzjonalista jkollu ċans jirbaħ l-elezzjoni. Kompla jgħid li minkejja li skont hu l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel proposti tajbin ħafna, qed jagħmilhom għalxejn għaliex qabel ma n-nies ikunu konvinti li l-Partit Nazzjonalista għandu ċans jirbaħ l-elezzjoni u li Bernard Grech jista’ jkun Prim Ministru, mhumiex se jagħtu kas il-proposti. Għaldaqstant, Peppi qed jagħti parir lill-Partit Nazzjonalista biex għalissa jwarrab ftit il-proposti u jdur lin-nies.

Huwa ġab eżempju b’Dr Alfred Sant, fejn qal fi żmienu, waqt li l-Partit Nazzjonalista kien qed jagħmel l-aqwa kampanja li qatt kien hawn, għażlu għaxart elef familja u bdew iżuruha, b’ħafna mid-drabi jmur Alfred Sant innifsu. Żied jgħid li kienet din l-istrateġija li bil-mod il-mod biddlet is-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien u wasal biex rebaħ lil Eddie Fenech Adami.

Semma wkoll lil Joseph Muscat, fejn qal li huwa wkoll uża l-istess strateġija biex wasal rebaħ b’36,000 vot.

Kompla jisħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu joħloq struttura li fiha jkun hemm dixxiplina, iżur id-djar tan-nies, jitkellem magħhom u jifhem l-uġigħ tagħhom. Skont Peppi, dan hu li jwassal biex imbagħad jibdew jaħdmu l-proposti u d-diskors ta’ Bernard Grech għaliex in-nies jemmnu li għandu ċans isir Prim Ministru u jagħtu aktar kas ta’ x’inhu jgħid il-Partit u l-proposti.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks