Select Page

Bejn Linja u Oħra – ċelebrazzjoni tal-Ilsien Malti, se tittella’ fit-12 ta’ Ġunju, fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta, fid-9pm.

Din hija lejla spettakolari li matulha l-ispirtu tal-Belt Valletta se jingħata l-ħajja permezz tal-immaġni, ir-ritmu, l-azzjoni, u versi mill-isbaħ.

L-iskript jieħu lill-udjenza fuq vjaġġ metaforiku madwar il-Belt Valletta. Il-produzzjoni hija maħluqa minn tim artistiku, Norbert Bugeja, Ray Calleja u Albert Marshall. L-iskript, li jinkludi versi ta’ aktar minn 30 poeta fosthom Dun Karm, Achille Mizzi, Maria Grech Ganado, Mario Azzopardi, Oliver Friggieri, Immanuel Mifsud u Walid Nabhan, ġie mgħaqqad minn Norbert Bugeja. Parti kbira mit-test huwa bil-Malti, iżda jinkudi xi versi bil-Franċiż u l-Ingliż.

Fost l-atturi nsibu lil Charlotte Grech, Lee-N Abela, Marceline Galea, Vanessa Aquilina, Paul Portelli, Patrick Tanti, Stephen Mintoff u Karl Cassar. L-element mużikali huwa mmexxi minn Daniel Cauchi.

Oriġinarjament, din il-prestazzjoni kienet maħsuba bħala mixja madwar il-Belt u ġiet adattata mill-ġdid għat-teatru biex tkun konformi mar-regoli għal kontra l-firxa tal-imxija tal-Covid-19. Ix-xeneġġjatura għaddiet minn diversi adattamenti u hija f’idejn l-attur, preżentatur u direttur, Ray Calleja. Qed tinkorpora d-diversi ilħna u perspettivi tal-Belt Valletta u niesha tul iż-żminijiet, b’referenza partikolari għall-aspetti soċjali, storiċi, u emozzjonali ta’ dak li jagħmilha l-Belt li hi.

Din storja ta’ xalar u niket, avventura fil-qalb ta’ belt ħosbiena. Kultant ittir bil-ferħ, jew tħuf qalb id-dlam fejn sparixxa l-Caravaggio. Jekk timxi pass pass magħha, taf tkellmek ħin bla waqt — bla sliem.

Bejn Linja u Oħra hija vjaġġ tas-sensi li jistiednek tħares lejn l-poeżija bejn vers u ieħor u lejn il-Belt, bejn triq u oħra. Isma l-ilħna tagħha hekk kif jingħataw il-ħajja permezz tal-vers u l-moviment. Aqsam il-pontijet, u ntilef fit-toroq u t-turġien tagħha. Itfa’ ħarstek fuq ġmiel il-Port il-Kbir waqt li timmedita dwar kliem li jfakkrek fis-seħer tal-Belt — il-ħolm, il-ħsejjes, u x-xewqat tagħha.

Biljetti minn www.showshappening.com/Valletta-Cultural-Agency/Bejn-Linja-u-Ohra

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks