Nhar it-Tlieta, f’America’s Got Talent, Simon Cowell ta l-Golden Buzzer lill-kantanta Nightbirde li żvelat li għandha kanċer u li għandha ċans żgħir biss li tgħix.

Nightbirde kantat kanzunetta oriġinali bl-isem ta’ It’s Okay.

Il-kantanta ta’ 30 sena minn Ohio qalet li l-kanzunetta hija dwar l-aħħar sena ta’ ħajjitha u l-battalja tagħha mal-kanċer li jinsab fil-pulmun, fis-sinsla ta’ daharha u fil-fwied.

Il-kantanta qalet ukoll li huwa importanti li kulħadd ikun jaf li hi ħafna aktar mill-affarijiet ħżiena li ġrawlha.

L-interpretazzjoni u l-ispirtu ta’ din il-kantanta impressjonaw kemm lill-ġurija kif ukoll lill-udjenza preżenti, fil-fatt ftit qabel ma Simon Cowell ta l-Golden Buzzer, kellha wkoll standing ovation.

Cowell qal li ta l-Golden Buzzer għaliex l-audition tagħha kienet waħda speċjali. Qal li l-vuċi tagħha flimkien mal-interpretazzjoni tal-kanzunetta oriġinali tagħha, wara li żvelat dak li għaddejja minnu emozzjonawh tassew, u kien mument speċjali ħafna għalih.

“Kull sena niltaqgħu ma’ nies straordinarji f’dan l-ispettaklu. Hija persuna b’talent inkredibbli u ta’ ispirazzjoni,” żied jgħid Cowell.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks