Iżda llum bilkemm flaħt niċċaqlaq.
Ftaħt għajnejja u ħarist lejn Kurt. U hu ħares lejja.
Ma kienx hemm bżonn kliem. Jien u Kurt konna niftehmu b’ħarsa biss.
Jien u Kurt.
Kurt kien l-iżjed persuna li jiena kont inħobb.
U jiena kont ngħix għalih.
F’mument wieħed smajt il-bieb jinfetaħ u jingħalaq u daħlet Patty.
Patty kienet ħabiba ta’ Kurt, u jiena tgħidx kemm kont inħobbha!
Mhux daqs Kurt tafx! Ejja nagħmluha ċara din!
Imma kienet waħda mill-iżjed bnedmin favoriti tiegħi.
Patty ġiet ħdejja u ħassejt denbi jiċċaqlaq bil-ferħ. Ma kienx ikolli kontroll fuqu. Kien jiċċaqlaq waħdu.
Ippruvajt inqum ftit minn taħt il-kutra u donnu beda jirnexxili. Ridtha tarani sabiħ. Ridtha tifraħ bija.
U refagħtni.
Kemm ħadt gost!
Bejnietna, għalkemm lil Kurt kont inħobbu aktar, Patty aktar kellha idejha delikati u ma kinitx goffa bħalu.
Imma eżatt malli refagħtni u bdiet tħares lejha, b’dawk l-għajnejn ċari tagħha, rajt demgħa nieżla minn ma’ wiċċha u bdiet tagħfasni magħha iżjed milli suppost.
“Iva,” qalet lil Kurt.
Iżda jiena ma kont qed nifhem xejn.
Reġgħu poġġewni fis-sodda tiegħi u bdew iċemplu lil iżjed persuna li kont nibża minnu!
Nisma’ ismu biss, ukoll jibdew jirtogħdu saqajja!
Dottor Mugliett!
It-tabib tal-annimali.
Kont nibża’ minnu. Kull darba li ltqajt miegħu, dejjem kien iweġġagħni. Kurt kien iwennisni wara, xħin immorru d-dar, iżda dan ir-raġel kattiv kellu bagalja sewda u minnha kienu joħorġu ħafna affarijiet ileqqu. U kienu jniggżu wkoll! U meta konna mmorru d-dar tiegħu, li Kurt kien isejħilha ‘Il-Klinika’, kien ikun hemm iżjed annimali, li kollha kemm huma kienu jkunu mwerwrin bħali. U dik ir-riħa, dik ir-riħa qawwija ta’ mediċinali kienet iddejjaqni, biex ma nsemmix il-bjuda li kien hemm kullimkien; mal-art, mal-ħajt u fuq l-imwejjed……………..
Ajma, ara, lanqas niftakar ma rrid!

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks