Select Page

Għandek bżonn – għal żewġ porzjonijiet:

Żewġ steaks ħoxnin tal-flett taċ-ċanga

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

Għall-gratin tal-faqqiegħ:

Kuċċarina żejt taż-żebbuġa

Żewġ basliet, imqatta’ slajsis irqaq

3 sinniet tewm sħaħ, mgħaffġa bl-idejn

8 faqqiegħ (chestnut), maqtugħ f’biċċiet kbar

Melħ u bżar skont il-gosti tiegħek

250ml krema friska

3 isfra tal-bajd

Żewġ imgħaref kurrat imqatta’ rqiq

Żewġ imgħaref ġobon parmesan maħkuk

Għall-kontorn tal-patata u sprag:

Madwar 8 patatiet żgħar, maħsula u maqtugħa min-nofs

8 biċċiet sprag, maħsula u bit-truf ta’ wara mirquma

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

6 sinniet tewm imqatta’ rqaq ħafna

Mgħarfa ġobon parmesan maħkuk

Mgħarfa frak tal-ħobż

Niskata melħ u bżar

Kuċċarina sagħtar

Nofs kuċċarina riegnu

Nofs kuċċarina ħabaq

Żewġ imgħaref tursin frisk biex iżżejjen.

Metodu:

  • Jaqbel li l-ewwel tibda tipprepera l-kontorni, biex jilħqu jsiru bil-mod.
  • Aħsel il-patata u ħalliha bil-qoxra. Aqsamha min-nofs u ixħetha fi skutella kbira.
  • Magħha żid l-isprag li tkun ħsilt u qtajtlu t-truf ta’ wara.
  • Issa żid iż-zejt, il-ħabaq, is-sagħtar, ir-riegnu, il-bżar u l-melħ.
  • Żid ukol it-tewm, il-parmesan, u l-frak tal-ħobż.
  • Ħallat kollox sewwa u irrangahom fuq pjanċa tal-forn.
  • Sajjarhom f’forn 180 degrees għal madwar 45 minuta sakemm tara li saru sew u ħmaru.
  • Tihom taħwida wara xi 20 minuta.
  • Sadanittant iprepara il-gratin tal-faqqiegħ:
  • Fi skutella kbira, ħallat il-krema friska, l-isfra tal-bajd u l-kurrat. Warrabhom għal ftit.
  • Saħħan iż-żejt f’taġen kbir. Aqli l-basal, il-faqqiegħ u t-tewm sħiħ fuq nar għoli u ħawwad spiss sakemm tara li l-basal irtab u l-faqqiegħ sar.
  • Neħħi u armi t-tewm is-sħiħ.
  • Itfa’ l-basal u l-faqqiegħ ġol-iskutella mat-taħlita tal-krema friska, isfra tal-bajd u kurrat.
  • Ħawwadhom sew u warrabhom sakemm tiprepara l-laħam.
  • Sa dan il-ħin, il patata u l-isprag li għandek fil-forn se jkunu kważi saru.
  • Għall-aħħar pass, roxx sew bżar u melħ fuq il-laħam.
  • Saħħan iz-żejt f’taġen u aqli l-laħam għal ftit sekondi minn kull naħa fuq nar għoli.
  • Il-laħam irid biss jieħu kemm kemm kulur. M’għandux isir sew.
  • Irranġa l-laħam fuq pjanċa tal-forn. Poġġi ammont sew mill-gratin tal-faqqiegħ fuq kull biċċa laħam u roxx il-ġobon parmesan fil-wiċċ.
  • Daħħal il-pjanċa fil-forn sħun għal bejn 8 u 10 minuti.
  • B’hekk l-ikla kollha hi lesta u tista’ tirranġaha fuq il-platti tiegħek.
  • Żejjen bit-tursin frisk u servi.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks