“…jekk nagħti tliet bewsiet lil min ikun ħiereġ mid-dar, mela dan ma jkorrix sakemm ikun barra…”

Bqajt niftakar id-data; il-Ġimgħa, 13 ta’ Frar. Ġiet tarani ħabiba tiegħi bla ħsieb, u sabitni nqasqas xi stampi biex nagħmel il-posters għan-notice board tal-knisja.

Kont se nnewlilha l-imqass biex sakemm ngħidu kelma – jew mija – tgħinni ftit, imma x’ħin rat li quddiemi kelli xi kalendarji antiki, bħal tkexkxet.

“Mela int ma tibża minn xejn?” staqsietni.

“Eh?”

“Mela ma tafx li ħażin tagħmel jekk iżżomm xi kalendarju antik, insomma, skadut, kemm jekk bl-idejn imdendel mal-ħajt, jew f’xi kexxun?”

“U għaliex?” staqsejtha b’nofs tbissima, għax kienet qanqlitli l-kurżità.

“Ara, l-oħra. Dan bħal meta żżomm arloġġ li ma jaħdimx. Tkun qed tiġbed l-isfortuna lejk. Il-kalendarji u l-arloġġi juru ż-żmien, u l-ħin, u jekk ma jkunux sew, anki tqassar ħajtek tista’. U llum, ukoll, il-ġurnata tal-ġimgħa meta għandna 13 mix-xahar…”

“U ħallini minnek. Mela jmissni ilni mejta, għax dawk ilhom is-snin għandi… u biex ngħidlek, fil-kexxun għandi xi erba’ arloġġi li xi darba kont biħsiebni neħodhom għat-tiswija, wkoll…”

F’daqqa waħda, ftakret li riedet tkun id-dar kwarta wara, għax kienu se jġibulha l-ħaxix. Naħseb samtet griżmejha daqskemm xorbitu malajr il-kafè, biex tfittex titlaq.

Tassew li hawn ħafna li jemmnu fis-superstizzjonijiet… jilbsu bżaru, għajn, jew qrun; jaħarbu jiġru kif jaraw qattus iswed, ma jgħaddux minn taħt sellum… Jekk tgħidilhom li dan kollu bla sens, u jiġi mill-injoranza, jew mill-biża’ ta’ dak li mhux magħruf, malajr jgħidulek xi ġralha il-kuġina’ tal-mara ta’ ħu l-ġara…

F’kull kultura nsibu tradizzjonijiet li qishom jgħallmuna xi ħaġa simili. Kultant, jidħol ukoll is-seħan tal-moħħ; jekk nagħti tliet bewsiet lil min ikun ħiereġ mid-dar, mela dan ma jkorrix sakemm ikun barra… tant li meta xi ħadd jinsa jagħmel xi azzjoni, idum jehwden, u kultant, din issir fissazzjoni, wkoll.

U min jivvintahom is-superstizzjonijiet? Għaliex għandek tneħħi kull werqa mejta minn kull pjanta li għandek ġewwa, iżda ma jimprtax jekk tħalli skoss, fil-pjanti tat-terrazzin? Għaliex il-ħajt tal-ġnien tista’ tiżbgħu aħdar, imma tal-kċina, le?

Hawn min ma jridx siġġu jitbandal, id-dar, għax l-Irlandiżi “jgħidu” li l-fatati fuqhom iħobbu joqgħodu.

Ta’ min jgħid li kultant, fatt żgħir jitkabbar u jiġi mehmuż ma’ storja għal kollox differenti minn dik originali. Ngħidu aħna, kien hemm żmien meta ż-żebgħat ħodor setgħu jkunu letali, għax kienu magħmla minn kimiċi velenużi, fosthom l-arseniku. Iż-żebgħa, u l-wallpaper, kienu jerħu gassijiet tossiċi, tant li kien hemm ħaddiema fil-fabbrika dak iż-żmien u mietu minħabba fihom; u baqgħet l-idea li l-ħitan hodor iġibu l-isfortuna.

Hawn ħafna min iġemma’ kaktus u s-sukkulenti; l-iżjed dawk li ma tanxt jafu jieħdu ħsieb il-pjanti; għax lil dawn kważi impossibbli toqtolhom. Imma hawn min ma jridhomx, għax jgħidu li x-xewk jiġbed il-vibrazzjonijiet ħżiena… kif jgħidu li jagħmlu jagħmlu l-ponot tal-umbrella meta tiftagħha fid-dar.

Issa flok nemmnu fil-ħmerijiet, mhux aħjar nagħmlu moħħna hemm u nirraġunaw li l-affarijiet bla ħajja m’għandhomx poteri fuqna?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks