Riċentement waslulna diversi mistoqsijiet u tħassib dwar bidliet fil-period wara t-teħid tal-vaċċin tal-Covid-19. Il-Ġinekologa residenti ta’ Willingness Team u Sex Clinic Malta, Chiara Frendo Balzan, wieġbet xi mistoqsijiet li bosta qed jistaqsu ta’ spiss bħalissa sabiex tappoġġja lil dawk li huma inkwetati. Hija indirizzat ukoll mistoqsijiet fir-rigward tat-tqala.
Huwa normali li l-period tiegħi kien tard / kmieni / jiġi aktar ‘heavy’?
Ħafna pazjenti esperjenzaw period tard. Il-vaċċin tal-covid-19 joħloq rispons ta’ stress enormi fil-ġisem sabiex jipproduċi ‘antibodies’. Peress li l-ġisem jinsab taħt ammont sinifikanti ta’ stress, qed naraw żbilanċ fl-ormoni. Dan jista’ jirriżulta f’period tard, period mitluf, period kmieni u period b’aktar uġigħ.
Aktar informazzjoni dwar dan jista’ jinstab fuq il-vidjow t’hawn taħt:
@dating101malta Il-vaċċin tal-covid u l-period! #foryou #fyp #dating101 #educationtiktok sexualhealthmalta sexualhealthmalta #sexclinicmalta sexed #malta
Tista’ tieħu l-vaċċin jekk tkun bil-period?
Iva tista’ tieħu l-vaċċin jekk tkun bil-period. Jista’ jkun li l-period tiegħek jieqaf jew jiġi aktar ‘heavy’. Jista’ jkun ukoll li ma tinnota l-ebda bidla, tvarja minn persuna għal oħra. Jaf tara differenza fil-period li jmiss kif diskuss fl-ewwel mistoqsija.
Jien nieħu l-pill. Il-vaċċin se jaffettwa l-period tiegħi? Hemm riskju ta’ trombożi?
Il-pazjenti ndunaw bidliet fiċ-ċiklu mestrwali tagħhom, anke jekk huma fuq il-pill, dan minħabba l-istress f’daqqa mqiegħed fuq il-ġisem.
Fejn jidħol ir-riskju ta’ trombożi, dejjem hemm riskju ogħla ta’ trombożi f’nisa li jieħdu l-pill kontra dawk li ma jiħdux il-pill. Nirrakkomanda li ma twaqqafx il-pill, dan għaliex meta terġa’ tibda l-pill tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’riskju akbar ta’ trombożi. Nirrakkomanda li tibqa’ tixrob biżżejjed ilma u tibqa’ mmobilizzata.
Tista’ tieħu l-vaċċin jekk inti tqila? X’tista’ tgħidilna dwar it-treddigħ?
Bħalissa f’Malta mhux rakkomandat li tieħu l-vaċċin jekk inti tqila, għalkemm pajjiżi oħra bdew ilaqqmu n-nisa tqal. Jekk inti tqila tkun imlaqqma wara t-tqala. Inħeġġiġkom biex tkunu konxji ta’ dawn il-bidliet normali u mistennija fiċ-ċiklu mestrwali.
Sa fejn nafu aħna l-vaċċin huwa sikur għat-treddigħ għax ma jasalx għand it-tarbija tiegħek. Ir-rispons immuni isir biss fil-ġisem tal-omm.
Tista’ tieħu l-vaċċin jekk qed tipprova toħroġ tqila?
Tista’ tieħu l-vaċċin jekk qed tipprova toħroġ tqila. S’issa r-riċerka tindika li l-vaċċin ma jaffettwax il-fertilità; madankollu m’għandniex dejta fit-tul dwar dan f’Malta.
Tista’ tieħu l-vaċċin jekk qed tieħu trattament bl-IVF?
Pazjenti li jkunu għaddejjin minn trattament tal-IVF jew li jkunu sejrin jagħmlu trattament għadhom irrakkomandati li jieħdu l-vaċċin. Huwa iktar sikur għalik li jkollok effetti sekondarji tal-vaċċin milli jkollok effetti imprevedibbli tal-Covid-19 jekk jaqbdek, li jista’ jirriżulta f’kumplikazzjonijiet fil-fertilità.
Vaċċini differenti għandhom effetti sekondarji differenti fuq il-ġisem, jew riskji għal persuni tqal?
Skont id-dejta emerġenti minn jum għal jum, il-vaċċini differenti huma kollha simili fir-rispons immuni tagħhom.
Kif inżomm lili nnifsi milli ninkwieta?
Jekk il-bidliet fil-period tiegħek jippersistu wara xahar jew tnejn, allura l-aħjar huwa li tkellem lill-ġinekologu/a tiegħek.
Bħal kull mediċina ġdida li tieħu, il-vaċċin huwa l-istess, jekk tbati minn effetti sekondarji tista’ tkellem lit-tabib tiegħek għal parir u huwa importanti li tirrapporta effetti sekondarji u għalhekk jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar testijiet.
It-tilqim huwa għażla tiegħek. L-għan ta’ dan l-artiklu huwa li jgħinek fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħek. Huwa veru li dan mhuwiex vaċċin ippruvat bħal vaċċini tradizzjonali li ilhom jeżistu għal bosta snin, iżda t-teknoloġija li juża l-vaċċin ilha teżisti għal żmien pjuttost twil u tintuża f’modalitajiet oħra ta’ trattament fil-mediċina u hija meqjusa bħala trattament sikur.
N.B. Dawn it-tweġibiet huma korretti fl-14.06.2021 fid-9:00, u huma soġġetti għal aġġornamenti.
Dr Chiara Frendo Balzan hija tabiba tal-Ġinekoloġija u s-Saħħa tan-Nisa fi ħdan it-Tim ta’ Willingness Team u Sex Clinic Malta. Flimkien mal-Ostetriċja u l-Ġinekoloġija hija speċjalizzata fil-qasam tal-kontraċezzjoni, l-ippjanar tal-familja u s-saħħa riproduttiva.

Tim multidixxiplinarju li jipprovdi kura għas-Saħħa Sesswali