Select Page

Għandek bżonn (għal dixx kbir):

Kilo spagetti

Kuċċarina żejt

400g kapuljat taċ-ċanga

400g corned beef, imqatta’ fi cubes żgħar ħafna

400g kunserva (bott kbir)

400g Sugu tat-tadam (bott kbir)

1200ml ilma

Basla kbira mqatta’ rqiqa

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

200g ġobon maħkuk (jien nuża ġobon Kefalotieri)

200g ġobon cheddar maħkuk

Mgħarfa butir unsalted

500ml Beschamel

Kikkra ħalib

Metodu:

  • Saħħan iż-żejt f’kazzola kbira u qalli l-basal sakemm jirtab.
  • Żid il-kapuljat u qalli sakemm jieħu kulur kannella. Ħawwad spiss biex ma jibqalekx biċċiet kbar.
  • Żid il-corned beef, ħawwad u ħallih isir għal żewġ minuti.
  • Issa żid il-kunserva, is-sugu, il-melħ, il-bżar u l-ilma.
  • Ħawwad sewwa u ħallih fuq nar għoli sakemm tara li se jibda jagħli.
  • Baxxi n-nar u ħalli z-zalza t-tektek għal madwar 30 jew 40 minuta. Kultant tiha taħwida.
  • Sadanittant itfa’ borma bl-ilma u ftit melħ fuq in-nar biex tgħalli l-ispagetti.
  • Ħallat il-beschamel u l-ħalib ġo buqar u warrab fil-friġġ.
  • Saħħan il-forn għal 180 degrees.
  • Kif jagħli l-misħun itfa’ l-ispagetti u ħallih isir għal 10 minuti. Tħallihx jirtab wisq.
  • Saffi l-għaġin u erġa’ itfgħu mal-ewwel fil-borma. Żidlu l-butir u l-ġobon maħkuk (mhux iċ-cheddar).
  • Ħawwad malajr u ferra z-zalza fuq l-ispagetti ġewwa l-borma.
  • Ħallat kollox sew u itfa t-taħlita kollha ġo dixx tal-forn.
  • Ferra t-taħlita kiesħa tal-beschamel fil-wiċċ u ferrex iċ-cheddar ukoll fil-wiċċ.
  • Aħmi f’forn sħun għal 30 minuta.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks