Gazebo, programm ta’ siegħa u nofs li se jibda jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa mit-2 ta’ Lulju fuq TVM, b’format ta’ magazine. Imħejji b’mod rilassanti u adattat għal ġranet sajfin, bejn is-18.15 u t-19.45, ippreżentat minn Hermann Bonaci u Frida Cauchi.
It-trasmissjoni tinkludi diversi suġġetti ma’ mistiedna li jiddiskutu diversi temi bħal dawk marbuta mad-dar, dwar saħħa, kwistjonijiet soċjali, well-being, pariri legali, passatempi, kotba u suġġetti oħra fejn l-informazzjoni ma tonqosx b’dak kollu li t-telespettatur iħoss li hu importanti għalih.
Matul il-program se jkun hemm diversi slots oħra viżivi u qosra ta’ bejn żewġ minuti u mhux aktar minn ħames minuti, li minkejja l-qosor tagħhom xorta jkunu informattivi u ta’ interess inġenerali. Fosthom ikun hemm crafts, sewqan tajjeb, natura, ħsieb għar-riflessjoni u oħrajn.
La se jkun hemm Hermann ma jistax jonqos li f’kull programm għad-dell tal-gazebo ikun hemm ukoll BBQ għaddej b’żewġ riċetti kull ġimgħa tajba għall-ġranet sajfin u faċli sabiex jiġu ppreparati għall-familja kollha.
Bħal dejjem ma tonqosx ukoll il-kompetizzjoni permezz ta’ sms għat-telespettatur fejn dan jittanta xortih għal xi rigal jew tnejn. Kompetizzjoni viżiva li minnha nnifisha wkoll toffri t-talent ta’ diversi persuni.
Gazebo se jkun qed jiġi ppreżentat fil-miftuħ, għad-dell tal-gazebo matul it-tlett xhur tas-sajf.
