Select Page

Il-kantanta magħrufa Amber Bondin esprimiet il-ħsibijiet u t-tħassib tagħha ma’ skoperta.net dwar il-kontroversja u diversi reazzjonijiet li qamu f’dawn l-aħħar jiem minħabba d-donazzjoni ta’ €50,000 li ngħatat lill-iskola ta’ Bormla.

Ferm differenti minn kif qatt smajniha titkellem qabel, Amber qalet li tinsab ixxukkjata u ddispjaċuta dwar ir-reazzjonijiet u kummenti negattivi li rat fuq din il-kwistjoni.

Filwaqt li faħħret lill-amministrazzjoni u l-istaff kollu tal-iskola, Amber sostniet li tħossha kburija u kuntenta li hija għalliema proprju fl-iskola ta’ Bormla.

Hija assigurat, li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jintqal, dawn il-flus se jintefqu għall-ġid tat-tfal.

Irrimarkat ukoll il-fatt li ċerti nies iridu jgergru fuq kollox minflok jieħdu gost li saret xi ħaġa tajba u għall-ġid.

Madanakollu l-aktar kummenti li weġġgħu lil Amber kienu dawk li kkummentaw li mill-iskola ta’ Bormla ma joħorġux professuri. B’reazzjoni għal dawn il-kummenti, Amber qalet li bħal f’kull skola oħra madwar Malta u Għawdex, fl-iskola ta’ Borma wkoll hemm tfal bravi ħafna. Madanakollu żiedet tgħid li allaħares kull tifel u tifla li jmorru l-iskola jsiru professjonisti u professuri għax kieku l-maġġoranza tax-xogħol ma jistax isir.

“Din l-idea li biex tkun bravu trid tkun professur, għandkom żball kbir” żiedet tgħid Amber.

Qalet ukoll li l-idea ta’ dinja sterjotipika u l-idea li fis-South hemm il-ħażen u ħażin biss iridu jinqatgħu għaliex illum il-każijiet ta’ kwistjonijiet soċjali qiegħdin kullimkien, familji bi problemi qiegħdin kullimkien u t-tfal li jmorru l-iskola bi problemi jinsabu wkoll f’kull skola madwar Malta u Għawdex.

Fl-aħħarnett hija ssuġġeriet lil dawk kollha li kkummentaw b’mod negattiv, biex meta jkun possibbli jmorru l-iskola ta’ Bormla, jattendu xi attività jew imorru waqt xi lezzjoni u jaraw id-dedikazzjoni li hemm mhux biss mill-amministrazzjoni, l-istaff u l-għalliema imma wkoll mit-tfal u l-ġenituri tagħhom.

Ikkonkludiet billi qalet li tispera li dawk in-nies li kkummentaw b’għaddewx dawk il-kummenti b’mod verbali quddiem tfal għaliex dan huwa ċiklu, u jistgħu jinfluwenzaw it-tfal b’mod negattiv.

“Lanqas biss taħsbuhom, aħseb u ara tiktbuhom. Kunu responsabbli. Qiegħdin ngħixu fis-sena 2021 u dawn il-kummenti mhumiex aċċettabbli!”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks