Select Page

Ftit taż-żmien ilu konna għamilna artiklu fuq il-paġna ta’ Facebook bl-isem “Niftakar meta”. Din il-paġna tiġbor fiha tifkiriet nostalġiċi li jqanqlu l-memorji ta’ ħafna meta jaqrawhom. Paġna li ħafna jieħdu pjaċir isegwu peress li tfakkarhom f’dawk il-mumenti sbieħ tat-tfulija u taż-żgħożija tagħhom, u meta d-dinja madwarna kienet aktar sempliċi.

Kif konna semmejna wkoll, dan il-proġett sar ukoll f’forma ta’ blogg li saru jsegwuh aktar minn 24,000 persuna. Il-blogg jirrakkonta fuq bażi ta’ storja, kultant b’ton umoristiku, sitwazzjonijiet passati li llum forsi diffiċli terġa tgħixhom.


Matul il-ġranet li għaddew, Daniel Mangani, il-persuna wara dan il-proġett nostalġiku, kellimna fuq proġett interessanti ieħor li se jkompli jfakkar dawn it-tifkiriet. Din id-darba se jsir bi programm ġdid għar-radju. Fil-fatt, Daniel ikkonfermalna li mis-7 ta’ Lulju, kull nhar ta’ Erbgħa fit-8.30 ta’ filgħaxija, ONE Radio se jkun qed ixandar programm live li jġib proprju l-istess isem – Niftakar meta – Ġabra ta’ tifkiriet nostalġiċi.

Bi preżentazzjoni tiegħu flimkien ma’ David Muscat, f’dan il-programm se jiġu rrakkuntati tifkiriet partikolari dwar suġġett li jinbidel kull ġimgħa. Bħal ma jiġri dejjem, is-semmiegħa wkoll se jkollhom l-opportunità li jgħidu tagħhom u jaqsmu t-tifkiriet tagħhom waqt dan l-istess programm. Programm li diġà qed jqanqal ċerta nteress mal-qarrejja ta’ Niftakar meta.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks