Kultant, qishom jagħmlu apposta biex iġibulek id-dubji, jew saħansitra jwerwruk.

Waħda mill-affarijiet l-iżjed li jdejquni hi meta xi ħadd ideffes imnieħru fl-affarijiet ta’ ħaddieħor.

Bl-iskuża li “qed juri li jimpurtah” jew li “jrid jgħin” jew li qed jagħmel konverżazzjoni”, jistaqsi mijiet ta’ mistoqsijiet… imma meta nistaqsu xi ħaġa lilu, malajr jinsa’, jew jiftakar li kellu appuntament ħames minuti ilu, u jisparixxi.

Kull min għandu wild wieħed, jafha din. “Ħa tħalliha waħedha, miskina?” Kull min għandu zewġt ibniet, jew żewġ subien, jisma’ “U għax ma terġax tipprova biex ikollok minn kollox?” U lil min m’għandux tfal, jistaqsuh kemm se jum jaħsibha.

Hawn min jaħseb li la koppja jgħixu fl-istess dar, mela allura huwa perfettament aċċettabbli li jistaqsu għadd ta’ mistoqsijiet invażivi u mhux xierqa.

Issa, nagħmlu mod li koppja ma jridux tfal, jew ma jistax ikollhom. Għaliex għandhom jikxfu s-sitwazzjoni personali tagħhom ma’ xi ħadd, anki jekk dan ix-xi ħadd ikun il-ġenituri tagħhom jew ħuthom? Dan jagħmluh biss jekk iridu huma.

Hawn min “jassumi” – u jiġu b’ħafna botti dwar l-adozzjoni, u l-IVF, u kemm hu sew li jkollok min jieħu ħsiebek meta tixjieħ, u li l-annimali fid-dar mhumiex sostitut għat-tfal, u ħafna paroli vojta oħra, bit-tama li jitkixxfu r-raġuni vera għaliex dawn it-tnejn għad ma kellhomx tfal.

Issa naraw mara tqila… barraxx ta’ mistoqsijiet oħrajn. U hawn ukoll min jaħseb li għandu dritt imiss iż-żaqq tal-mara, u meta din tinġibed lura, għalkemm ma jgħidux kemm hi kiesħa.

Kultant, qishom jagħmlu apposta biex iġublek id-dubji, jew saħansitra jwerwruk.

Għal meta? Pressjoni u zokkor sew qegħdin? Ħa jkollok għajnuna? X’qalu ommok u ommu? U t-tfal… min jaf kemm ħa jgħiru! Daqshiex fik – jaqaw tewmin? Ħa tbati biex twelled, żgur; mhux aħjar teħles ċesarja, hux?

Jew inkella… Żgur li għandek sitt xhur imma, għax donnok anqas tidher li tqila…? U int tibda’ taħseb li hemm xi ħaġa mhux f’postha.

U tagħżel li ma tagħtix gażaża…

Ommi ma, x’jixgħer. Ħa jinħanaq. Ħa jifga. Mela ma jdejqekx iħanxar? Dak ħa jiekol iżżejjed. Mhux ħa jidra l-bottle. Imma mhux aħjar idderrihielu, biex jorqod bil-lejl? U ajma billi jkollu snienu ftit ‘il barra? U ajma… għada pitgħada jitgħallem jitkellem sew, ta… Dawn l-ideat ġodda… ma nafx jien… fi żmieni… Isma, daż-żmien bix-xejn tixtriha gażaża ta…

U ma ninsewx il-ħwejjeġ. Libbistu wisq. Dak qed iterter bil-bard. Għalfejn qed tlibbisha qisha tifel? Mela ma tafx li l-peach kulur tal-bniet?

U int taħseb li l-ġenituri ma wieżnux kull ħaġa li għandha x’taqsam ma’ ħalib, gażazi, u ħwejjeġ? Tgħid m’għandhomx stress biżżejjed – għandhom bżonn dak li qed tivvintalhom int?

Meta tara lil xi ħadd b’tarbija… ifirħilhom, jekk ifettillek, tihom rigal u / jew offri l-għajnuna… u ieqaf hemm.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks