Min kienet Helen Keller?

Helen Keller twieldet fis-27 ta’ Ġunju tal-1880 f’Toscumbia, Alabama. Hija kienet awtriċi u edukatriċi Amerikana li kienet nieqsa mid-dawl u mis-smigħ. Fl-1887, l-għalliema tagħha, Anne Sullivan, bdiet tgħinha tagħmel progress tremend fl-abilità tagħha li tikkomunika, tant li baqgħet sejra l-kulleġġ u anke gradwat fl-1904. L-edukazzjoni u t-taħriġ tagħha jirrapreżentaw kisba straordinarja fl-edukazzjoni ta’ persuni b’dawn id-diżabilitajiet. Matul ħajjitha, hija rċeviet bosta unuri bħala rikonoxximent tal-kisbiet tagħha.

Hija twieldet bis-sensi tal-vista u tas-smigħ iżda tilfithom it-tnejn meta kellha biss 19-il xahar. Fl-1882, mardet b’marda li ġiet imsejħa mit-tabib tal-familja bħala “brain fever”, li kkawżat temperatura għolja f’ġisimha. In-natura vera tal-marda tibqa’ misteru sal-lum, għalkemm xi esperti jemmnu li setgħet kienet “scarlet fever” jew il-meninġite.

Ftit jiem wara li kellha d-deni, omm Keller bdiet tinnota li bintha ma kienet qed turi l-ebda reazzjoni meta ddoqq il-qanpiena tal-pranzu jew meta xi ħadd jagħmel xi tip ta’ ċaqliqa quddiem wiċċha.

Hekk kif Keller kibret fit-tfulija, hija żviluppat metodu limitat ta’ komunikazzjoni mal-ħabiba tagħha, Martha Washington, it-tifla ż-żgħira tal-kok tal-familja. It-tnejn kienu ħolqu tip ta’ lingwa tas-sinjali. Sakemm Keller kellha 7 snin, kienu vvintaw aktar minn 60 sinjal biex jikkomunikaw ma’ xulxin.

Matul dan iż-żmien, l-imġiba ta’ Keller kienet saret waħda li l-ġenituri tagħha ma sabuhiex daqstant faċli. Kienet tagħti daqqa ta’ sieq u tgħajjat meta tkun irrabjata, u tidħak bla kontroll meta tkun kuntenta. Ħafna qraba tal-familja kienu jħossu li għandha tkun istituzzjonalizzata.

Hija ġiet eżaminata minn Alexander Graham Bell, b’riżultat li dan bagħtilha għalliema ta’ 20 sena, Anne Sullivan, mill- Istituzzjoni Perkins għal dawk neqsin mid-dawl f’Boston. Sullivan, għalliema notevoli, baqgħet ma’ Keller minn Marzu tal-1887 sal-mewt tagħha f’Ottubru tal-1936.

Fi ftit xhur Keller kienet tgħallmet tħoss oġġetti u tassoċjahom ma’ kliem li kienet tifforma b’sinjali tas-swaba’. Matul l-1888 u 90 hija qattgħet ix-xtiewi fl-Istituzzjoni Perkins titgħallem il-braille. Aktar tard imbagħad bdiet il-proċess bil-mod biex titgħallem titkellem. Tgħallmet ukoll taqra x-xufftejn billi tpoġġi subgħajha fuq ix-xufftejn u l-gerżuma tal-kelliem waqt li l-kliem kienu spjegati simultanjament għaliha. Fl-età ta’ 14-il sena hi rreġistrat fl-iskola Wright-Humason għal dawk neqsin mis-smigħ fi New York, u ta’ 16-il sena dahlet fl-iskola Cambridge għan-nisa żgħażagħ f’Massachusetts. Hija rebħet l-ammissjoni għall-kulleġġ Radcliffe u gradwat fl-1904.

Wara li rnexxielha tiżviluppa ħiliet li qatt qabel ma kienu ġew żviluppati minn xi persuna b’diżabilità simili, Keller bdiet tikteb dwar il-ħajja ta’ persuna nieqsa mid-dawl, suġġett li dak iż-żmien kien tabù fir-rivisti tan-nisa minħabba r-relazzjoni ta’ ħafna każijiet mal-marda venereja. Madanakollu, il-Ladies Home Journal, u rivisti ewlenin oħra, aċċettaw l-artikli tagħha. Aktar tard aċċettaw ukoll The Century, McClure’s, u The Atlantic Monthly.

Hija kitbet dwar ħajjitha f’diversi kotba, fosthom The Story of My Life (1903), Optimism (1903), The World I Live In (1908), Light in My Darkness and My Religion (1938), Helen Keller’s Journal (1938), u The Open Door (1957).

Fl-1913 bdiet tagħti lezzjonijiet, bl-għajnuna ta’ interpretu, primarjament f’isem il-Fondazzjoni Amerikana għall-Persuni Neqsin mid-Dawl, madwar id-dinja. Hija kkofondat l-Unjoni Amerikana tal-Libertajiet Ċivili mal-attivist Amerikan tad-drittijiet ċivili Roger Nash Baldwin u oħrajn fl-1920.

L-isforzi tagħha biex ittejjeb it-trattament tal-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl kienu influwenti fit-tneħħija tal-persuni b’diżabilità mill-ażil. Hija għenet ukoll fl-organizzazzjoni ta’ kummissjonijiet għall-persuni neqsin mid-dawl fi 30 stat sal-1937.

It-taħriġ tat-tfulija ta’ Keller ma’ Sullivan kien deskritt fid-dramm ta’ William Gibson, The Miracle Worker (1959), li rebaħ il-premju Pulitzer fl-1960 u sussegwentament sar film taċ-ċinema fl-1962 u rebaħ żewġ Academy Awards.

Helen Keller mietet fl-1 ta’ Ġunju tal-1968, f’Easton, Connecticut, fl-età ta’ 87. Hija kienet xtrat id-dar tagħha f’Easton fl-1963 u semmietha Arcan Ridge, u baqgħet ir-residenza permanenti tagħha sakemm mietet.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks