Daniel Chircop u Sander Agius li nafuhom aktar bħala DANUSAN, se jirritornaw lura fuq l-istazzjon nazzjonali b’serje ġdida tat-tisjijr bl-isem, The Malta BBQ League.

Għall-ewwel darba f’Malta, din se tkun serje xi ftit jew wisq differenti minn dawk tas-soltu, produzzjoni u preżentazzjoni ta’ DANUSAN. Il-BBQ League se jikkonsisti f’numru ta’ dilettanti tal-ikel u tat-tisjijr f’kompetizzjoni kontra xulxin, f’timijiet ta’ tnejn.

Il-ġudikazzjoni finali tal-kompetituri u l-għażla tat-tema sorpriża li tvarja kull ġimgħa, fosthom burgers, ikel Messikan jew platt veġitarjan, mhux minn DANUSAN se tingħata, għax dawk jieklu biss jafu, iżda minn esperti tal-ikel, kokijiet u sidien ta’ ristoranti rinomati f’Malta.

Bħal kull kompetizzjoni oħra, l-għan tal-kompetituri huwa li jaslu sal-finali u jirbħu l-ewwel edizzjoni ta’ din is-serje ta’ The Malta BBQ League.

Però, f’dan il-BBQ League hemm iktar minn ikel u kompetizzjoni. DANSUAN beħsiebhom jgħinu lil Richmond Foundation permezz tal-ktieb tar-riċetti mnebbaħ minn din il-kompetizzjoni. Fil-fatt, dan il-ktieb se jiġbor fih it-13-il riċetta rebbieħa tal-BBQ ta’ kull episodju. Dan mhux kollox, għax barra minn hekk, il-kċejjen użati waqt is-serje, fejn kull waħda għandha valur ta’ €16,000, se jinbiegħu f’irkant li jibda minn €5,000, fejn ħamsin fil-mija tal-flus, se jmorru għal għaqda filantropika magħżula mil-isponsors tal-BBQs, Bull International u l-ħamsin fil-mija l-oħra se jmorru għal entità magħżula mill-kompetituri rebbieħa ta’ The Malta BBQ League.

Mix-showroom ta’ Cini Marbles, li nbidel fi studjo professjonali, għal fuq it-televiżjoni tagħkom, minn nhar it-Tlieta 29 ta’ Ġunju, mid-9:00 ta’ filgħaxija ‘l quddiem, fuq TVM, DANUSAN jippreżentawlkom, The Malta BBQ League.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks