Eżattament ġimgħa ilu.
U hu kien qiegħed hawn.
Mimdud fuq il-ħamrija umduża bil-weraq niexef fuqha.
Għajnejh kienu kollha dmugħ. Iżda għal xi raġuni jew oħra ma felaħx jibki. Kien ilu jissportihom.
“Jean……? L-imwarrab?”
Leħen is-subien instema’ jidwi mal-akkwati.
Għajnejn Jean qabżu pulzier ‘il barra, in-nifs batut wara l-għeja tal-ġirja li kien għadu ġej minnha kien kważi maqtugħ għal kollox, idejh bdew jirtogħdu u xagħru kien xi ftit imħabbel.
Ma kellux ħin.
Ried jistaħba ta’ malajr. Inkella kienu jsibuh.
Qam inkiss inkiss u biż-żarbun iqarmeċ fuq il-weraq niexef, telaq jiġri lejn siġra kbira li kienet fit-tarf nett tal-ġnien kbir fejn kien jinstab.
“Jean?” reġa’ semagħhom. Niżel kokka wara s-siġra u żamm in-nifs. L-għaraq beda nieżel ma ġbinu.
Allaħares isibuh!
Qalbu ċkejkna f’sidru kienet bdiet tħabbat b’mod ifferoċjat minn taħt il-qafas.
Jekk isibuh…………
Kien ilaqqat dirsa tajba!
“Jean!” beda jgħajjat l-ikbar wieħed fosthom. “Morru fittxuh. X’imkien hawn irid ikun!”
Kienu grupp subien. Kollha kemm huma kienu fil-klassi tiegħu. Minn mindu kienet mietet ommu, kien mar jgħix ma’ nanntu li ftit li xejn kienet għadha tiflaħ tlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu.
Jean kellu seba’ snin.
Issa xagħru kien ikun xi ftit imgerfex, il-ħwejjeġ tal-uniformi ma kinux għadhom ifuħu bħal ma kienu jkunu qabel. It-tbissima unika li kien ikollu Jean fuq wiċċu kienet għebet għal kollox. Ommu kienet kollox għalih. Il-firda li kien ħass kienet iebsa wisq biex wieħed jiddeskriviha.
“Morru fittxuh!” reġa’ qalilhom Andrew, l-aktar wieħed robust minnhom.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks