Għalkemm fl-aħħar għaxar snin ir-rwol tal-missirijiet żied fil-prominenza, ir-rwol tal-missirijiet b’diżabilità għadu jirċievi biss ftit attenzjoni. Anki jekk hemm ammont ta’ riċerka dwar ġenituri b’diżabilità, hemm ħtieġa akbar għal riċerka li tiffoka fuq l-esperjenza ta’ missirijiet b’diżabilità.
Dan huwa importanti biex tinforma l-aġenda tal-politika u tal-prattika dwar il-benesseri tal-familja u tat-tfal. Din l-inviżibilità ġejja minn perspettiva klinika li tħares lejn id-diżabilità bħala patoloġija u tqis ġenituri b’diżabilità bħala inkompetenti u mhux tajbin biex ikunu ġenituri.
Il-missirijiet ilhom kostitwiti f’termini ekonomiċi, bil-missirijiet inkwadrati bħala dawk li jġibu l-għajxien tal-familja. Minħabba li d-diżabilità ġiet assoċjata ma’ dipendenza, is-soċjetà tassumi li missirijiet b’diżabilità huma inkompetenti u saru inviżibbli jew mhux mixtieqa għar-rwol ta’ missirijiet.
Huwa importanti li l-missirijiet ma jiġux ikkategorizzati, u li tingħata spazju lid-diversità, inkluż li l-missirijiet b’diżabilità jiddaħħlu fl-istampa.
Li wieħed ikun jaf aktar dwar l-esperjenzi ta’ missirijiet b’diżabilità jista’ jikkontribwixxi għal fehim alternattiv ta’ esperjenzi ta’ ġenituri u tal-familja, inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom li jisfidaw in-normi soċjali u l-isterjotipi madwar id-diżabilità. Barra minn hekk, li nifhmu kif l-irġiel b’diżabilità jgħixu r-rwol ta’ missier, se jippermettilna li nevalwaw diskorsi dominanti dwar il-missier u l-maskilità.

Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità,
fi ħdan il-Fakultà għall-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta,
li tagħha hija wkoll Viċi Dekan.