Select Page

Meta l-qalb tieqaf tħabbat, is-CPR jista’ jsalva l-ħajja tal-persuna. Permezz ta’ għafsiet fuq is-sider, nifsijiet u meta jkun indikat, xokkijiet, is-CPR hija essenzjali biex il-qalb terġa’ tibda tħabbat, kif ġara lill-plejer tad-Danimarka Christian Eriksen matul il-partita Danimarka-Fillandja.

Meta persuna tikkollassa s-CPR irid jinbeda kemm jista’ jkun malajr, iżda, s-CPR m’għandux jinbeda jekk il-persuna għadha qed tieħu n-nifs.

Is-CPR għandu jsir b’dan il-mod:

Taptap lill-vittma fuq l-ispalla u staqsiha jekk tinsabx tajba. Jekk ma tkellmekx, sejjaħ lil xi ħadd fil-viċin biex iċempel 112 u biex possibbilment ifittex defibrillatur – strument elettroniku, li jintuża meta persuna ssofri minn xi attakk tal-qalb. Permezz tal-app AED Malta, tista’ tara jekk hemmx defibrillatur fl-akkwati.

Qis li l-vittma tkun daharha mal-art. Poġġilha rasha lura u għollilha geddumha, iftħilha ħalqha u ara li m’hemm xejn jimblukkalha n-nifs.

Itfa’ widnejk ma’ ħalq il-vittma biex tara jekk hix qed tieħu nifs. Jekk il-vittma mhix tieħu nifs, ibda s-CPR.

Agħmel idejk fuq xulxin u agħfas bejn 5 u 6 ċm ‘l isfel f’nofs sider il-persuna. Agħmel dan il-moviment bejn 100 u 120 darba f’minuta. Jekk tgħeja u hemm persuna oħra ħdejk, tista’ tibdel magħha kull 2 minuti. Ta’ min jinnota mill-grafika li l-moviment tal-id fuq it-tfal huwa differenti.

Agħlaq imnieħer il-vittma u onfoħ darbtejn f’ħalqha. Minħabba xi restrizzjonijiet li jaf iġġib magħha l-pandemija, il-vittma tista’ tingħata s-CPR bl-idejn biss jew dak li jkun jista’ jixtri mouth-to-face shields apposta biex jgħatti ħalqu waqt li jkun qed jagħti s-CPR.

Jekk għandek defibrillatur ixegħelu, waħħal il-pads fuq sider il-vittma u ibqa’ segwi l-istruzzjonijiet viżwali u verbali biex ikun jista’ jingħata xokk lill-qalb, jekk hu indikat.

Is-CPR għandu jibqa’ jsir ġo ċiklu ta’ 30 ghafsiet fuq is-sider u 2 nifsijiet sakemm il-persuna tistejqer jew tasal l-ambulanza fuq il-post. Mill-banda l-oħra, jekk il-vittma tibda tieħu n-nifs imma ma tkunx konxja ma hemmx bżonn jinbeda s-CPR. F’dan il-każ, il-persuna trid titpoġġa laġenba fir-recovery position kif indikat mill-grafika u tibqa’ taħt għajnejn dak li jkun.

Idħol fis-sit tal-European Resuscitation Council biex tara kif għandu jsir is-CPR bl-użu ta’ defibrillatur f’każ ta’ bżonn, filwaqt li huwa rrakkomandat li wieħed jieħu wkoll kors tal-ewwel għajnuna mill-aktar fis possibbli:

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks