Nixtieq nibda billi nirringrazzjakom tal-feedback tagħkom dwar dawn il-kitbiet ibbażati kemm fuq fatti ta’ teorija jew riċerka li ssir minn żmien għal żmien kif ukoll fuq riflessjonijiet tiegħi msejsa fuq esperjenzi personali u anke dawk li niltaqa’ magħhom fix-xogħol tiegħi bħala counsellor.
Fl-aħħar kitba tiegħi tkellimna dwar l-ansjetà .. u f’dan l-artiklu se niffukkaw fuq kundizzjoni mentali oħra relatata mal-ansjetà. Infatti se nitkellmu dwar Post Traumatic Stress Disorder (PTSD). Kontu intom stess li staqsejtu dwar din il-kundizzjoni u hawnhekk tajjeb li forsi niċċaraw aktar dak li jista’ jkun qed ifixkilna…
X’inhi eżatt Post Traumatic Stress Disorder (PTSD)?
Din hija kundizzjoni li tiżviluppa f’dawk li jkunu għaddew minn esperjenza li xxukjathom u werwrithom, esperjenza fejn probabbli ħassew li tant hi perikoluża u tal-biża’ li jista’ jkun li ħajjithom kienet mhedda.
Huwa naturali li dak li jkun jibża’ jekk qed jiffaċċja jew iffaċċja sitwazzjoni perikoluża. Il-biża’ tikkawża bidliet ta’ sekonda biex tgħin lil dak li jkun jevita sitwazzjoni perikoluża. Din ir-reazzjoni ta’ fight or flight hija reazzjoni li tgħin lill-persuna żżomm il-bogħod mill-periklu. Wara li dak li jkun, ikun għadda minn trawma normali li jkollu reazzjoni għal din il-biża’ li diġà kkawżata mit-trawma stess. Iżda jekk jgħaddi ż-żmien u l-persuna tibqa’ tbati minn ċerti sintomi hemmhekk allura tista’ tiġi diagnosed li qed tbati mill-PTSD. Dawk li jbatu minn PTSD iħossuhom imbeżża’ u mwerwra anke meta m’hemmx periklu.
Kif tinduna li xi ħadd qed ibati minn PTSD? u x’inhuma s-sintomi?
Għalkemm fir-realtà kull min jgħaddi minn esperjenza perikoluża jgħaddi minn ċerti sintomi, il-maġġoranza ma jiżviluppawx sintomi kroniċi. U mhux kull min ibati minn PTSD għadda minn esperjenza perikoluża. Jista’ jkun li jkun miet xi ħadd li huwa għażiż ħafna jew li l-persuna tkun qed tiddependi fuqu/fuqha..dan jiġri wkoll speċjalment meta l-persuna tkun mietet f’daqqa.
Ġeneralment is-sintomi joħorġu tlett xhur wara mill-esperjenza trawmatika iżda xi kultant jista’ jkun li joħorġu snin wara. Is-sintomi jridu jkunu ilhom hemm xahar sħiħ u jkunu qed jinterferixxu mal-ħajja ta’ kuljum tal-persuna jiġifieri jaffettwaw lill-persuna kemm fir-relazzjonijiet tagħha mal-oħrajn kif ukoll fuq ix-xogħol tal-persuna.
Kif tiżvolġi l-kundizzjoni mhux dejjem l-istess. Hemm min idum tlett xhur u hemm oħrajn fejn il-kundizzjoni tiġi kronika. Huwa psikjatra jew psikologu li jista’ joħroġ diagnosis dwar din il-kundizzjoni.
Biex adult ikun qed jesperjenza PTSD irid ikun qed jesperjenza dawn is-sintomi msemmija hawn taħt, bejn wieħed u ieħor għal xahar sħiħ
- Sintomu wieħed fejn jerġa’ jesperjenza t-trawma pereżempju; flashbacks – dak li jkun qisu jħossu qed jerġa’ jgħix is-sitwazzjoni trawmatika, ħolm ikrah u tal-biża’, ħsibijiet li jwerwru lill-persuna
- Sintomu wieħed fejn jevita post, avveniment jew oġġett li jfakkru fit-trawma jew jevita li jaħseb jew isemmi affarijiet relatati mat-trawma, pereżempju; xi ħadd li jkun għadda minn inċident tat-traffiku jiddeċiedi li ma jibqax isuq.
- Mill-inqas żewġ sintomi ta’ reazzjoni qawwija għal sitwazzjoni preżenti.
- Mill-inqas żewġ sintomi b’burdati u emozzjonijiet qawwija meta tiġi ppreżentata sitwazzjoni.
Kif tista’ tiffaċċja l-PTSD?
- Jekk tħoss li dawn is-sintomi li qed jaffettwawlek ħajtek importanti li tammetti li għandek problema.. dan jgħinek issib is-sapport..
- Importanti ħafna li ssib sapport kemm minn dawk li tafda u kif ukoll sapport professjonali bħal counsellor… jista’ jkun li flimkien mat-terapija jkun hemm bżonn il-mediċina.. għalhekk ħalli f’idejn il-professjonist jew professjonista biex jirreferik fejn hemm bżonn.
- Importanti li nżommu f’moħħna li jista’ jkun diffiċli ħafna biex nagħmlu l-ewwel pass, normali li tħossok hekk.. it-terapija tista’ tieħu ftit żmien imma taqtax qalbek pass pass tasal.. u jekk ma tagħmilx dak l-ewwel pass ma tistax timxi ‘l quddiem…
- Li tagħmel eżerċizzju jew attività fiżika regolari se tgħinek tħossok aħjar.. u tmur tajjeb ħafna flimkien mat-terapija..
- Tistennix li se tkun mija fil-mija tajjeb mill-ewwel, jista’ jkun li tieħu ftit żmien biex tħossok aħjar..
- Jekk għandek għanijiet fil-ħajja tiegħek, imxi pass pass…mhux neċessarjament se jinexxilek tagħmel kollox f’daqqa, sib il-prijoritajiet u ibda bihom.. naqra naqra kollox jibda jaqa’ f’postu.. iżda f’din iċ-ċirkostanza jrid ikollok il-paċenzja..
- Li tiltaqa’ mal-oħrajn se jagħmillek il-ġid.. għax il-bniedem mhux magħmul għal waħdu.. importanti li titkellem ma’ xi ħadd li tafda u li jifhmek.. m’hemmx xi regola ġenerali jekk humiex nies tal-familja jew ħbieb tal-qalb.. l-importanti li ma’ min titkellem tħossok komdu/a.
- Importanti li jkollok stampa ċara ta’ x’inhuma t-triggers li forsi jqanqlulek memorji .. ħu nota ta’ x’inhuma u kemm jista’ jkun evita li tiffaċċjahom speċjalment jekk tkun waħdek u mhux ma’ xi ħadd li tħossok sikur.
- Sib postijiet li jagħtuk serħan.. mhux postijiet kollha kaos u storbju.. in-natura tista’ tgħinek ħafna.. dejjem hemm postijiet adattati li jgħinuk issib il-paċi u l-mistrieħ.
- Agħmel affarijiet li tħobb u ħu ħsieb tiegħek innifsek..
Ftakar li xi darba jew oħra kulħadd jgħaddi minn żminijiet diffiċli.. ftakar li ma jistax ikun tibqa’ tghix fid-dell tat-trawma li għaddejt minnha..

Ftakar li kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa mentali huma bħal dawk fiżiċi, jekk ma tiħux ħsiebhom se jirkbuk u jiddominawlek ħajtek…
Tibżax titkellem dwar kif qed tħossok jew li tfittex sapport..
Awguri u tislijiet..
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406