Fil-31 t’Awwissu tal-1997, id-dinja kollha tnikktet bil-mewt tal-Prinċipessa Diana. Anki wara mewtha, Diana tibqa’ ikona ta’ saħħa u indipendenza għan-nisa madwar id-dinja.
Il-Prinċipessa Diana, twieldet fl-1 ta’ Lulju tal-1961 f’Sandringham, l-Ingilterra. L-isem proprju tagħha huwa Diana Frances Spencer. Kienet il-mara tal-Prinċep Charles, omm il-Prinċep William, li bħalissa huwa l-werriet tat-tron wara missieru, u tal-Prinċep Harry.

Diana kienet magħrufa għal ħafna iżda l-aktar għax-xogħol tal-karità tagħha u l-immaġni tal-moda tagħha.
Għalkemm kienet membru tal-aristokrazija Ingliża, hija kienet teknikament komuni, mhux irjali.
Missier Diana kien John Spencer, Viscount Althorp, assistant personali għar-Re Ġorġ VI u għar-Reġina Eliżabetta II. Ommha kienet l-Onorevoli Frances Shand-Kydd. Huma ddivorzjaw fl-1969. Missierha kiseb il-kustodja tat-tfal u aktar tard iżżewweġ lil Raine Legge.
Diana kibret prattikament bieb ma’ bieb ir-Reġina Eliżabetta II u l-familja tagħha, f’Park House, ħdejn il-proprjetà ta’ Sandringham tal-familja rjali. Il-Prinċep Charles kien 12-il sena ikbar, iżda l-Prinċep Andrew kien eqreb l-età tagħha u kienu jilagħbu flimkien.
Wara li l-ġenituri ddivorzjaw, missierha kiseb il-kustodja tagħha u ta’ ħutha. Diana ngħatat l-edukazzjoni tagħha d-dar sakemm kellha 9 snin u mbagħad intbagħtet fl-iskola ta’ Riddlesworth Hall u West Heath.

Diana ma kinitx tmur tajjeb m’ommha tar-rispett u lanqas ma kienet qed tmur tajjeb fl-iskola. Minflok, hija kien jinteressaha l-ballet, u skont xi rapporti, il-Prinċep Charles, li kellha r-ritratt tiegħu fuq il-ħajt tal-kamra tagħha fl-iskola.
Meta Diana kellha 16-il sena, reġgħet iltaqgħet mal-Prinċep Charles. Huwa kien joħroġ ma’ oħtha l-kbira Sarah. Minkejja li Diana kienet ħalliet ftit impressjoni fuqu, sa dakinhar kienet għadha żgħira wisq għalih. Wara li telqet mill-iskola West Heath ta’ 16-il sena, attendiet skola fl-iSvizzera, Chataeu d’Oex. Hija telqet wara ftit xhur.
Wara li Diana telqet mill-iskola, marret tgħix Londra u ħadmet bħala housekeeper, nanny, u assistenta ta’ għalliema tal-kindergarten. Hija kienet tgħix f’dar mixtrija minn missierha u kellha tliet persuni oħra jgħixu magħha.
Fl-1980, Diana u Charles reġgħu ltaqgħu meta Diana marret iżżur lil oħtha, li r-raġel tagħha kien jaħdem għar-reġina. Huma bdew joħorġu flimkien u sitt xhur wara Charles ippropona. Huma żżewġu fid-29 ta’ Lulju tal-1981, tieġ li ġie segwit minn ħafna u li saħansitra ġie msejjaħ bħala “it-tieġ tas-seklu.” Diana kienet l-ewwel ċittadina Ingliża li żżewġet l-eredi għat-tron Ingliż fi kważi 300 sena.

Diana mill-ewwel bdiet tagħmel apparenzi pubbliċi minkejja r-riżervi tagħha li tkun fl-għajn tal-pubblikazzjoni. Waħda mill-ewwel żjarat uffiċjali tagħha kienet għall-funeral tal-Prinċipessa Grace ta’ Monako. Diana ma damitx ma ħarġet tqila, hija welldet lill-Prinċep William (William Arthur Philip Louis) fil-21 ta’ Ġunju tal-1982, u mbagħad lill-Prinċep Harry (Henry Charles Albert David) fil-15 ta’ Settembru tal-1984.

Kmieni fiż-żwieġ tagħhom, Diana u Charles kienu pubblikament affettivi. Sal-1986, madanakollu, il-ħin tagħhom ‘il bogħod minn xulxin u l-bruda ta’ bejniethom meta kienu jkunu flimkien, kienu ovvji. Il-pubblikazzjoni tal-bijografija ta’ Diana tal-1992, ta’ Andrew Morton kixfet l-istorja tar-relazzjoni li kienet ilha għaddejja s-snin ta’ Charles ma’ Camilla Parker Bowles, fejn ġie allegat ukoll li Diana kienet għamlet diversi attentati ta’ suwiċidju. Fi Frar tal-1996, Diana ħabbret li kienet qablet li jiddivorzjaw.

Id-divorzju ġie ffinalizzat fit-28 t’Awwissu tal-1996, sena qabel il-mewt ta’ Diana. Kemm hi kif ukoll Charles baqgħu attivi fil-ħajja ta’ wliedhom. Diana kompliet tgħix fil-palazz ta’ Kensington u tħalliet iżżomm it-titlu ta’ Prinċipessa ta’ Wales. Fid-divorzju, hija ċediet ukoll ħafna mill-karitajiet li kienet taħdem magħhom, u żammet ftit kawżi biss: dawk ta’ bla dar, bl-AIDS, lebbra, u kanċer.

Fl-1996, Diana kienet involuta f’kampanja biex tipprojbixxi l-landmines. Hija żaret diversi nazzjonijiet fl-involviment tagħha mal-kampanja kontra l-landmines, attività aktar politika min-norma għall-familja rjali Ingliża.
Fil-bidu tal-1997, Diana kellha relazzjoni romantika mal-playboy ta’ 42 sena, “Dodi” Fayed (Emad Mohammed al-Fayed). Missieru, Muhammed al-Fayed, kien is-sid tal-maħżen ta’ Harrord u r-Ritz Hotel f’Pariġi, fost proprjetajiet oħra.

Fit-30 t’Awwissu tal-1997, Diana u Fayed telqu mir-Ritz Hotel f’Pariġi, akkumpanjati f’karozza minn sewwieq u l-bodyguard ta’ Dodi. Huma ġew segwiti mill-paparazzi. Eżatt wara nofsillejl, il-karozza tilfet il-kontroll f’mina ta’ Pariġi u ġġarfet. Fayed u s-sewwieq mietu mill-ewwel, Diana mietet aktar tard fi sptar minkejja li pruvaw isalvawha u l-bodyguard baqa’ ħaj minkejja li kellu ġrieħi gravi.
Din l-aħbar qajmet reazzjonijiet ta’ xokk u niket madwar id-dinja kollha. Ħafna taw il-ħtija ta’ dak li ġara lill-paparazzi li kienu qed isegwu l-karozza tal-Prinċipessa u li minnhom is-sewwieq apparentament kien qed jipprova jaħrab. Testijiet li saru wrew li s-sewwieq kien qabeż sew il-limitu legali tal-alkoħol, ħafna tefgħu t-tort fuq il-fotografi u l-persistenza tagħhom biex jieħdu ritratti esklussivi ta’ Diana li jistgħu jippubblikaw.
Il-familja ta’ Diana, Spencer, waqqfu fond għall-karità f’isimha, u fi żmien ġimgħa kienu diġà nġabru ammonti kbar ta’ flus. Il-funeral tal-Prinċipessa Diana fis-6 ta’ Settembru ġibed l-attenzjoni mid-dinja kollha.

F’ħafna modi, Diana u l-istorja ta’ ħajjitha kienu paralleli ħafna fil-kultura popolari. Hija kienet miżżewġa qrib il-bidu tat-tmeninijiet, u t-tieġ tagħha li kien meqjus bħala “fairy-tale wedding”, komplut b’glass coach u libsa li tikkumplimenta s-sbuħija ta’ Diana, kien sinkronizzat mal-ġid u l-infiq tas-snin tmenin.
Il-ġlidiet tagħha mal-bulimja u d-dipressjoni magħrufa pubblikament kienu wkoll modi tipiċi tat-tmeninijiet fuq l-għajnuna personali u l-istima personali. Il-fatt li kienet tidher li fl-aħħar bdiet tirkupra ħafna mill-problemi tagħha għamel il-mewt tagħha aktar traġika.
Ir-realizzazzjoni tat-tmeninijiet tal-kriżi tal-AIDS kienet waħda li fiha Diana kellha parti sinifikanti. Ir-rieda tagħha li tbus u tgħannaq lil dawk li jbatu mill-AIDS, fi żmien meta bosta mill-pubbliku riedu jpoġġu lill-persuni bl-AIDS fi kwarantina fuq biżgħat irrazzjonali u nuqqas ta’ edukazzjoni, għenet biex tbiddel kif jiġu trattati persuni bl-AIDS.

Illum, Diana għadha mfakkra bħala l-“Prinċipessa tal-poplu”, mara ta’ kontradizzjonijiet li twieldet fil-ġid iżda li riedet tgħix ħajja sempliċi u ta’ waħda komuni kemm jista’ jkun; mara li tħabtet bid-dehra tagħha iżda kienet ikona tal-moda; mara li kienet tiġbed l-attenzjoni iżda spiss kienet tibqa’ fl-isptarijiet u siti oħra tal-karità ħafna wara li jkunu telqu tal-midja.
Ħajjitha kienet is-suġġett ta’ bosta kotba u films, fosthom Diana: Her True Story, Diana: Last Days of a Princees u Diana, 7 Days.

