Avenue Sky għadhom kemm nedew it-tieni kanzunetta oriġinali tagħhom għall-2021, ‘When the Sun Shines’. Din il-kanzunetta għandha kompożizzjoni ta’ Jonas Gladnikoff u Sara Ljunggren, u kitba ta’ Nikos Sofis.
Avenue Sky huwa magħmul minn sitt kantanti ġuvintur: Andy, Clive, Karl, Kevin u Josef.
Din mhijiex l-ewwel kanzunetta oriġinali bl-Ingliż ta’ Avenue Sky. Lil Avenue Sky rajnihom fil-Malta Eurovision Song Contest 2018 bil-kanzunetta ‘We Can Run’. Aktar kmieni din is-sena kienu wkoll finalisti fil-festival tal-kanzunetta Maltija, Mużika Mużika, bil-kanzunetta ‘Kompli Tbissem’. Issa kien imiss li joffru kanzunetta adattata għal dan iż-żmien tas-sajf.
Il-messaġġ wara l-kanzunetta hu wieħed sajfi u li permezz tagħha Avenue Sky qed jistiednu lis-semmiegħa sabiex igawdu s-sajf bl-aħjar mod possibbli. Il-produzzjoni mużikali nħadmet minn Jonas Gladnikoff, il-produzzjoni vokali maħduma minn Glen Vella u l-vidjow bil-lirika minn Luke Borg.
Wieħed jista’ jsib din il-kanzunetta wkoll fuq il-pjattaformi diġitali bħal Spotify, YouTube u Apple Music.
