Select Page

Ilbieraħ, proprju f’għeluq is-60 sena tagħha, l-aħwa William u Harry warrbu d-differenzi ta’ bejniethom u ngħaqdu għall-ewwel darba minn April biex jinawguraw l-istatwa ta’ ommhom, il-Prinċipessa Diana, fil-palazz ta’ Kensington.

L-istatwa, li oriġinarjament ġiet ikkummissjonata fl-2017 fl-20 anniversarju tal-mewt tagħha, ġiet inawgurata lbieraħ f’ċerimonja li saret wara nofsinhar.

L-aħwa dehru jitkellmu bejniethom waqt li kienu deħlin fil-ġnien, qabel ma marru jsellmu liz-zijiet tagħhom, ħut ommhom Lady Sarah McCorquodale, Lady Jane Fellowes u Earl Spencer. Attendew ukoll l-iskultur tal-istatwa Ian Rank-Broadley, id-disinjatur tal-ġonna Pip Morrison kif ukoll il-membri tal-kumitat tal-istatwa.

Fi stqarrija, il-Prinċep William u l-Prinċep Harry qalu li fil-jum t’għeluq is-60 sena ta’ ommhom, jiftakru fl-imħabba, il-qawwa u l-karattru tagħha, kwalitajiet li għamluha forza għall-ġid madwar id-dinja, u biddlu għadd ta’ ħajjiet madwar id-dinja.

“Kuljum nixtiequ li kienet għadha magħna, u t-tama tagħna hi li din l-istatwa tkun meqjusa għal dejjem bħala simbolu ta’ ħajjitha u l-legat tagħha.”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks