Select Page

Għal mument Jean għalaq għajnejh u ħass il-qalziet li kellu fuqu jixxarrab bil-biża’. Ftakar fl-aħħar xebgħa li kienu tawh u beda jagħfas ruħu kemm jista’ mas-siġra ħalli ħadd minnhom ma jarah.
Iżda wara ftit ħin, kollha kemm huma bdew iduru ‘l hawn u ‘l hemm qalb is-siġar. Jean ħass ruħu ħierġa minn ġismu bil-biża’!
U rah.
Christopher rah.
Hekk malli rah, it-tifel skanta jħares lejh.
Għajnejn iż-żewġ subien iltaqgħu ma’ xulxin. Għajnejn Christopher kbar u ċari u għajnejn Jean, skuri u żgħar.
“Christ……..” kien se jgħidlu, iżda t-tifel l-ieħor hekk kif rah hemm f’dik is-sura, moħbi qalb il-weraq niexef, imkeffen sew wara s-siġra, ħass qalbu tingħafas.
Jean kien għadu qed iħares lejh, jistennieh jgħajjat lil sħabu sabiex jiġu jsibuh hawn.
“Xxxxxxxxx,” lissen Christopher hekk kif għolla subgħajh quddiem xufftejh. Dawwar rasu ħalli jara li l-ebda tifel ieħor ma kien qed iħares lejhom. “Itlaq issa!” reġa’ qallu minn taħt, hekk kif ħbieh b’ġismu stess ħalli Jean ikun jista’ jaħrab.
Jean ried jirringrazzjah.
Jean ried jurih li kien se jibqa’ jafulu.
Iżda minflok ma wieġbu, qabad il-basket tal-iskola li kien mgħaffeġ ħdejn saqajh u telaq jiġri b’kemm kellu saħħa sa xħin wasal id-dar ta’ nanntu.
“Sibtuh lill-imwarrab?” staqsa Andrew kważi rrabjat. “Hawn suppost kien!”
Iżda sa fejn kien jaf hu, lil Jean l-imwarrab ħadd ma kien rah.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks