Select Page

Stefan Varga huwa kantant u fotografu Slovakk ta’ 35 sena bbażat f’Malta li deher fix-xena mużikali Maltija f’Settembru tal-2020 bl-ewwel kanzunetta tiegħu Turn Around, miktuba u prodotta minn Toby Farrugia, segwita minn Invisible f’Jannar tal-2021 u Kill Me With Silence aktar tard f’Marzu.

Minkejja li Stefan dejjem ħass konnessjoni mal-mużika, minn età żgħira ħafna, huwa warrabha għal bosta snin u ffoka aktar fuq karrieri oħrajn.

Il-mużika kienet il-mod tiegħu li jżomm il-kreattività ħajja matul il-pandemija meta n-negozju tal-fotografija ġarrab tnaqqis kbir minħabba r-restrizzjonijiet.

Ir-raba’ kanzunetta tiegħu bl-isem ta’ Paradise, ġiet prodotta minn Cyprian Cassar u miktuba minn Matthew Muxu Mercieca, li t-tnejn huma rinomati fl-industrija tal-mużika Maltija.

Paradise hija kanzunetta upbeat bi pjanu funky, li b’kuntrast differenti ġej minn post mudlam. Il-lirika titkellem dwar taħlita ta’ emozzjonijiet li wieħed jesperjenza meta ma jkollux xorti tajba fil-ħajja tad-dating u fl-imħabba.

Din il-kanzunetta hija ddedikata lil dawk il-persuni kollha li mhumiex f’relazzjoni u dawk li jinsabu mxebba’ b’persuni tossiċi li jippruvaw jiddominawlhom ħajjithom. Il-messsġġ huwa li kulħadd jista’ jsib il-ġenna tiegħu ladarba teħles minn dak kollu li hu tossiku u negattiv u tiffoka fuq dak li hu pożittiv.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks