Select Page

Għandek bżonn (għal 4 persuni):

320g ross Basmati

500g kapuljat taċ-ċanga (Tiġi tajba wkoll bil-kapuljat tal-ħaruf)

3 imgħaref żejt veġetali

Mgħarfa żerriegħa tal-mustarda

Mgħarfa żerriegħa tal-kemmun

4 basliet żgħar, imqattgħin flieli

6 sinniet tewm, imqattgħin irqaq

Kwart ta’ kuċċarina imsiemer tal-qronfol midħun

Kwart ta’ kuċċarina kardamomu midħun

Kuċċarina kannella

Nofs kuċċarina turmeric

Kuċċarina hot paprika

Kuċċarina w nofs kemmun midħun

Mgħarfa kosbor midħun

Niskata fenugreek midħun

5 imgħaref kunserva

Kuċċarina jew tnejn melħ ‘sea salt’, skont il-gosti tiegħek

200g faqqiegħ imqatta’ flieli

8 tadamiet cherry, maqsumin min-nofs (jekk tixtieq)

Mazz kosbor frisk, imqatta’. (Warrab mgħarfa minnu għat-tiżjin tal-platti)

170g jogurt Grieg

Żewġ imgħaref garam masala spice

Mgħarfa għasel

Meraq ta’ nofs lumija

200g piżelli tal-friża jew tal-landa

Żewġ imgħaref lewż imqatta’, għat tiżjin.

Metodu:

  • Ibda billi fi skutella żgħira tħallat flimkien l-imsiemer tal-qronfol, il-kardamomu, il-kannella, it-turmeric, il-paprika, il-kemmun, il-kosbor il-midħun, u l-fenugreek.
  • Warrabhom, ħalli b’hekk issibhom lesti meta jkollok bżonnhom aktar tard.
  • Saħħan iż-żejt ġo taġen fond fuq nar medju.
  • Żid iż-żerriegħa tal-mustarda u għatti t-taġen parzjalment sakemm iż-żrieragħ jibdew ifaqqgħu.
  • Meta jkunu kważi waqfu jfaqqgħu, żid iż-żerriegħa tal-kemmun.
  • Ħallihom jinqlew għal madwar minuta fuq nar baxx, sakemm jiskuraw ftit u jsiru fragranti. Però, oqgħod attent li ma jinħarqux għax inkella jagħtu togħma morra.
  • Żid il-basal imqatta’ u l-melħ u ħalli l-basal jikkaramelizza għal 15-il minuta, waqt li tħawwad spiss. Jekk tara li qed jinħarqu, żid ftit qtar ilma sħun skont il-bżonn.
  • Żid it-tewm u sajjar għal 3 minuti oħra.
  • Żid il-faqqiegħ imqatta’ u ħallihom isiru għal madwar 5 minuti. Ħawwad spiss.
  • Żid il-ħwawar imnixxfin kollha li kont lestejt fi skutella. Ħawwad kontinwament għal minuta.
  • Żid il-kunserva u ħawwad għal minuta oħra.
  • Issa żid il-kapuljat. Ħawwad sewwa biex ma jibqalekx biċċiet kbar, u ħallih isir sakemm jieħu kulur kannella.
  • Żid it-tadam imqatta’ jekk se tużah. Ħawwad u ħallih isir għal madwar żewġ minuti.
  • Żid il-kosbor il-frisk imqatta’. Ħawwad sewwa u żid il-jogurt. Tih taħwida, għatti, u ħallih itektek fuq nar baxx għal 10 minuti.
  • Żid il-garam masala, l-għasel u l-meraq tal-lumi. Ħawwad u żid il-piżelli.
  • Ħawwad kollox sewwa u ħalli z-zalza ttektek fuq nar baxx għal 5 minuti.
  • Servi ma’ ross Basmati jew ma’ ħobż ċatt.
  • Żejjen il-platti bil-kosbor frisk u l-lewż imqatta’.

L-ikla t-tajba!

Ir-riċetta tal-lum qed titwassal lilkom minni Jackie, u Leo.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks