Fil-filmat li tella’ lbieraħ fuq il-midja soċjali tiegħu, Peppi Azzopardi tkellem fuq il-każ li smajna dan l-aħħar dwar priġuniera li l-attentat ta’ suwiċidju tagħha fiċ-ċella ġewwa l-ħabs, irnexxa u mietet wara ftit jiem.
Peppi beda d-diskors tiegħu billi wera solidarjetà mal-familja tagħha, imbagħad hu kompla billi staqsa x’inhu jiġri u min se jieħu r-responsabbiltà ta’ dan li reġa’ ġara.
Huwa qal li din it-tfajla kellha problema serja tas-droga, u allura kienet akkużata b’reati żgħar konnessi mad-droga u weħlet 6 xhur ħabs.
Skont Peppi, ġewwa l-ħabs qed jivvendikaw minn persuni li jidħlu bil-problemi tad-droga, meta jitfgħuhom u jsakkruhom ġo kamra, fejn skont hu, lanqas ktieb ma jħallulhom biex jaqraw.
Huwa saħaq b’ċertezza li kien magħruf li din it-tfajla kellha l-problemi u li xtaqet tneħħi ħajjitha.
“U allura, ma tindukrawhiex? U allura ma tiħdux ħsiebha? U allura tħalluha tagħmel is-suwiċidju?” staqsa emozzjonat Peppi.
Huwa saħaq li meta t-tfajla weħlet il-ħabs, peress li kellha problema tad-droga, setgħu bagħtuha tagħmel programm tad-droga mal-Oasi, Sedqa jew Caritas minflok bagħtuha l-ħabs.
Huwa għal darb’oħra reġa’ akkuża li t-tmexxija tal-ħabs għandhom il-faħam miblul u jridu jaħbu. Insinwa wkoll li l-priġunieri m’għadhomx jitħallew jagħmlu kuntatt miegħu u mat-tim ta’ Xarabank.
“…Ma nistgħux naċċettaw li n-nies li jgħixu f’dan il-pajjiż ikunu ttrattati ta’ żibel. Hemm drittijiet fundamentali li dan il-pajjiż suppost qed jirrispettahom..”
Peppi kkonkluda billi staqsa kif wieħed jista’ jibqa’ sieket quddiem dan kollu.
