Minkejja li min-naħa tiegħek ippruvajt tagħmel ir-relazzjoni taħdem, ippruvajt kemm ippruvajt, ma baqax dik il-konnessjoni daqs qabel. Dan jista’ jkun forsi minħabba li kien hemm inqas intimità. Imbagħad jibdew l-iskużi, forsi l-partner wasal tard id-dar jew weħel ix-xogħol, imbagħad sirt taf b’xi mod jew ieħor li qelibielek.

B’dan l artiklu nixtieq nurik iż-żewġ naħat tal-munita, min kellu l-partner li qelibielu u n-naħa taċ-cheater.

L-infedeltà sesswali tirreferi għan-nies kollha li jkollhom relazzjonijiet sesswali ma’ xi ħadd ieħor barra mir-relazzjoni tagħhom.

L-infedeltà emozzjonali hija meta l-partner jagħmel iktar ħin ma’ xi ħaddieħor. Dan huwa meta l-persuna turi sens aktar qawwi ta’ mħabba romantika kif ukoll tagħti aktar attenzjoni lill-persuna l-oħra.

Fl-Amerika, kien hemm studju dwar koppji li kienu f’relazzjoni romantika, li l-partner ma kienx leali lejhom. Il-parteċipanti kellhom jiddefinixxu kif ħassewhom wara li saru jafu. Il-maġġoranza tal-irġiel qalu li kellhom ħsieb dwar suwiċidju jew qtil waqt li l-maġġoranza tan-nisa ħassew li mhumiex mixtieqa u mhux sikuri emozzjonalment dwarhom infushom. L-infedeltà għandha konsegwenzi li joħolqu sens ta’ għira mal-irġiel kif ukoll man-nisa.

Se nibda billi ngħid, li meta persuna titlef lil xi ħadd importanti, normalment tgħaddi minn seba’ fażijiet ta’ niket:

  • L-ewwel fażi huwa x-xokk u ċ-ċaħda (meta ssibha diffiċli li taċċetta dak li ġralek). Meta persuna titlef lil persuna importanti f’ħajjitha, hija xi ħaġa diffiċli li taċċetta din is-sitwazzjoni u tiċħad il-fatt li tkun tilfet il-persuna.
  • Hemm ukoll emozzjonijiet ta’ uġigħ u tradiment. Meta l-partner tiegħek ma kienx leali lejk, spiss tħossok traduta u mweġġa’. Anke jekk forsi kellek suspett minn qabel, dan iġiegħlek tħossok tradut xorta waħda.
  • Mhux dejjem li l-persuna li l-partner tiegħek qelibielek magħha tkun taf li kontu f’relazzjoni, jista’ jkun li ġiet immanipulata. Jekk dan mhux il-każ, xorta waħda importanti li ma tweħħilx fihom, wara kollox ir-relazzjoni kienet tiegħek u tal-partner tiegħek. Il-partner kien dak li ċaħad ir-relazzjoni.
  • Tista’ tħossok ħati u imbarazzat b’dak li ġara. Minħabba li tħossok hekk, tkun qed tagħmel ‘bargaining’ miegħek innifsek jiġifieri li ma tkunx kapaċi taċċetta dak li ġara, b’hekk tinstab fi stat ta’ dwejjaq.
  • Minħabba dan, spiss li tħoss sens ta’ solitudni u abbandun.
  • Hemm ukoll min iħossu li dak li ġara kien it-tort tiegħu. Kull persuna għandha problema emozzjonalment, imma mhux tajjeb li tweħħel fik innifsek, għax mhux se ssib risposta. Ħalli lilek innifsek tħoss l-emozzjonijiet, tħossok irrabjata li ġara hekk. M’hemmx bżonn li tipprova tħaffef il-proċess tal-fejqan emozzjonali. Tajjeb li żżomm f’moħħok li kollox għandu jieħu il-ħin tiegħu.
  • Jista jkun li inti wasalt x’imkien f’dawn il-fażijiet. Jekk tħossok ħielsa u taċċetta dak li ġara, huwa għaliex inti wasalt fl-aħħar fażi. L-aħħar fażi hija li taċċetta s-sitwazzjoni u li taħdem dwar l-emozzjonijiet tiegħek. Hawnekk inti tħossok iktar liberu u ssibha eħfef li ssib il-kuntentezza.

L-infedeltà f’relazzjoni mhux dejjem tfisser li r-relazzjoni waslet fi tmiemha, anzi tistà tkun opportunità għall-koppja biex taħdem fuq ir-relazzjoni tagħha u tissaħħaħ aktar. Dan kollu jiddependi fuq il-persuna u fuq it-tip ta’ relazzjoni li għandek.

Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar l-infedeltà, tista’ ssegwi l-artiklu li jkompli ma’ dan. Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu diversi raġunijiet psikoloġiċi għaliex issir l-infedeltà.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks