Select Page

Hemm possibilità kbira li fil-ħajja mgħaġla tagħna ninsew min verament aħna. Xi rrid infisser b’dan?

Kollha kemm aħna għandna persuni importanti f’ħajjitna, li jfissru d-dinja għalina. Ħafna minna għandna wkoll ix-xogħol u l-karriera. Ma’ dawn hemm marbutin responsabilitajiet u anki dmirijiet, li ħafna minna naraw li ngħixuhom b’tant dedikazzjoni. U hekk għandu jkun.

Madanakollu, li jiġri ħafna drabi hu li tant inkunu ħsiebna f’dawk ta’ madwarna, fix-xogħol tagħna, tant nagħtu lilna nfusna kompletament, li ninsew lilna nfusna, min aħna u l-bżonnijiet tagħna.

Hija faċli ħafna, forsi għal uħud minna aktar minn oħrajn li nitfgħu l-bżonnijiet tagħna fl-aħħar tal-lista tal-prijoritajiet, jew saħansitra ninsewhom kompletament mingħajr ma nkunu qed nagħtu kas.

Nintebħu biss meta nispiċċaw f’mumenti u sitwazzjonijiet fejn ikollna niffaċċjaw il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ importanza li nkunu tajna lilna nfusna.

M’għandniex inħallu lilna nfusna naslu s’hemm, għaliex taħt dawk l-irwoli u r-responsabilitajiet kollha li naqdu tant tajjeb kuljum, hemm uman.

Aħna wkoll jistħoqqilna l-attenzjoni, ir-rispett u l-imħabba daqs kemm nagħtu lil ħaddieħor, imma dan kollu jrid jibda minna nfusna.

Huwa importanti li…

  • Minkejja li nkunu impenjati bix-xogħol, karrieri, skola u b’dawk ta’ madwarna, insibu ħin, ftit ħin, għalina nfusna. Dan il-ħin għandu jkun prijorità u parti mir-rutina tagħna. Naturalment, mhux dejjem possibbli l-istess ammont ta’ ħin, u jista’ jkun li jkollna nduru ma’ sitwazzjonijiet partikolari iżda, importanti li ma nħallux ġimgħa tgħaddi bla ma nkunu ddedikajna ftit ħin. X’nagħmlu u kif nużaw dan il-ħin, mhuwiex importanti, dak huwa kompletament f’idejna.
  • Li nqattgħu l-ħin ma’ dawk li jittrasmettu l-ferħ, imħabba u l-paċi f’qalbna. Ma’ dawk li jittrasmettu enerġija pożittiva u li nħossuna sikuri fil-preżenza tagħhom. Ma’ dawk li jserħulna qalbna, idawlulna ħajjitna u jimmotivawna biex inkunu persuni aħjar.
  • Li nevitaw kemm jista’ jkun persuni u sitwazzjonijiet li jittrasmettu biss enerġija negattiva u emozzjonijiet negattivi. Importanti li ma nħossuniex ħatja li nevitawhom, ikunu min ikunu, inklużi dawk li huma meqjusa bħala membri tal-familja u ħbieb.
  • Li nkunu kapaċi ngħidu le fejn ikun jeħtieġ, lil kull min ikun, u nirrifjutaw dak kollu li ma nixtiqux jew ma rridux.
  • Li ma nħallux id-diżappunti jikkontrollawlna ħajjitna, u niffukaw aktar f’dak kollu li għandna rnexxielna niksbu f’ħajjitna.
  • Li nħallu lilna nfusna nkunu kompletament aħna, bil-vulnerabilitajiet, id-difetti u dgħufijiet tagħna ma’ min inħossuna sikuri, anki jekk dan ifisser ma’ persuna waħda biss. Importanti li f’ħajjitna jkollna persuna waħda mill-inqas li magħha nkunu nistgħu nkunu kompletament aħna u naqsmu kollox magħha, għaliex tkun sod kemm tkun sod, ħadd ma’ jista’ jġorr kollox kompletament waħdu għal dejjem.
  • Li nfakkru lilna nfusna fil-persuni speċjali li għandna f’ħajjitna, meta jibdew ġejjin il-ħsibijiet dwar dawk il-persuni li ddiżapuntawna, tradewna u għażlu li jaqtgħuna minn ħajjithom.
  • Li nfakkru lilna nfusna fil-progess li għamilna f’dak li nagħmlu, f’dak li aħna, u l-battalji kollha li rbaħna u li jirnexxielna negħlbu bil-mod il-mod, anki dawk li forsi ħadd ma jaf bihom.
  • Li ma nkunux daqshekk ħfief biex inwaħħlu fina nfusna, biex nitfgħu l-ħtija fuqna nfusna fil-ħażin kollu li jiġri. Il-possibilità hija li niżbaljaw spiss, iżda ma jfissirx li l-ħażin kollu li jiġri huwa ħtija tagħna, jew għax għandna xi ħaġa ħażina.
  • Li nistrieħu, fiżikament u mentalment, kull meta nħossu l-bżonn.
  • Li ma nħallux dak li jaħsbu fuqna jikkontrollalna ħajjitna u dak li nagħmlu, sakemm dak li nagħmlu ma jkunx qed iweġġa’ lilna jew lil ħaddieħor, u jagħmilna kuntenti.
  • Li ma nittollerawx diżrispett, mingħand ħadd, ikun min ikun.
  • Li nfakkru lilna nfusna li n-normalità hija differenti għal kull individwu. In-normalità tagħna hija l-unika waħda li għandna naħsbu fuqha.
  • Li nfakkru lilna nfusna li aħna umani.

Fuq kollox tajjeb li nżommu dejjem f’moħħna li l-fatt li nieħdu ħsieb lilna nfusna jfisser rispett u mħabba lejna nfusna, u wkoll lejn dawk il-persuni li tant inħobbu u li jfissru d-dinja għalina u lejn dak kollu li nagħmlu b’tant passjoni, għaliex b’hekk biss inkunu nistgħu nagħtu s-sehem tagħna u lilna nfusna bl-aħjar mod possibbli.

Ma nistgħux nagħmlu dan jekk nabbandunw lilna nfusna u ma nżommux lilna nfusna fi stat tajjeb.

Il-bżonnijiet tagħna, is-saħħa fiżika u mentali tagħna huma prijoritajiet ukoll.

Ħu ħsieb!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks