Il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li persuni li ma jurux iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhumiex se jitħallew jidħlu f’Malta.

Din il-ġimgħa s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li turisti li jiġu f’Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin se jitħallew jidħlu iżda jridu jagħmlu kwarantina mandatorja ta’ 14-il ġurnata.

Eżentati milli juru ċertifikat tal-vaċċin jew milli joqgħodu fi kwarantina jekk juru riżultat negattiv ta’ swab test li jkun sar sa 72 siegħa qabel, huma t-tfal ta’ taħt it-12-il sena u dawk li għal xi raġuni medika ma jistgħux jieħdu t-tilqima.

Maltin jew barranin residenti f’Malta li ma jkollhomx iċ-ċertifikat tal-vaċċin u li kienu mistennija jirritornaw qabel ma tħabbret din il-miżura ukoll huma eżentati mill-kwarantina jekk jippreżentaw riżultat negattiv ta’ swab test.

Iċ-ċertifikati tat-tilqim li qed jiġu aċċettati mill-awtoritajiet Maltin huma dawk mir-Renju Unit, l-Iżvizzera u l-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, l-awtorità Maltija tat-turiżmu, MTA, ħabbret li kull min jiġi Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin irid jagħmel kwarantina f’lukanda u jħallas mill-inqas €1,400 għal kull kamra matul il-perjodu tal-kwarantina.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks