Select Page

Mhux sigriet li t-teknoloġija saret parti integrali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Hu rari li tmur x’imkien u ma tarax lil xi ħadd fuq it-tablet jew il-mobile. Illum qed nikteb fuq suġġett kurrenti ħafna: it-teknoloġija u t-tfal, speċifikament, il- ħin li t-tfal qed iqattgħu fuq tablets, mobiles, laptops, playstation eċċ.

Bħal kollox, hemm il-pożittiv tat-teknoloġija u hemm ukoll in-negattiv. Ejja nibdew bil-pożittiv. Grazzi għat-teknoloġija, it-tfal qed jitgħallmu affarijiet importanti. Għandhom aċċess għal smart boards, tablets, apps edukattivi li jgħinu lit-tfal fil-proċess edukattiv taghhom. Grazzi għat-teknoloġija wkoll, it-tfal jafu jitgħallmu jsolvu xi problemi, jiġifieri jaf qed jiżviluppaw il-problem solving skills tagħhom. Hemm xi logħob fuq il-playstation pereżempju, fejn min qed jilgħab, irid ikun kapaċi jagħmel deċiżjonijiet tajbin. Grazzi għat-teknoloġija ukoll, it-tfal jistgħu jitgħallmu affarijiet ġodda, pereżempju tutorials minn YouTube. Li t-tfal jafu jużaw it-teknoloġija minn età żgħira hu tajjeb ukoll ghax fil-futur, probabbli jkollhom bżonn it-teknoloġija f’xogħolhom.

Importanti naraw ukoll x’inhuma l-iżvantaġġi ta’ l-użu eċċessiv tat-teknoloġija. Dawn jinkludu:

  • Tnaqqis ta’ ħin ma’ familja jew ħbieb li jfisser nuqqas ta’ prattikar ta’ skills soċjali. Jekk it-tfal qed jużaw il-mobile il-ħin kollu, qed ikunu connected ma’ ħbieb online, però mhux fiżikament. Social Skills huma żviluppati billi t-tfal, kuljum, jinteragixxu man-nies; jaraw il-facial expressions, jitkellmu, jagħmlu eye contact eċċ. Dawn l-iskills huma limitati fuq screen.
  • B’użu eċċessiv tal mobile, tablet eċċ, it-tfal qiegħdin ikunu iktar bilqiegħda. Iktar ma tkun bilqiegħda, inqas qed tqatta’ ħin tiġri, tilgħab eċċ. Dan jaf iwassal għal problemi fis-saħħa tat tfal.
  • Xi ħaga li ħafna ġenituri qed iħabbtu wiċċhom magħha hi n-nuqqas ta’ rqad fit-tfal. Ir-riċerka turi li tfal li jużaw il-mobile, tablet eċċ qabel jorqdu, ma jkunux jistgħu jorqdu sew bil-lejl. Importanti ħafna li qabel jorqdu, it-tfal ma jkollhomx aċċess għal mobile jew tablet.

It- teknoloġija hi sabiħa – però trid tkun moderata. Staqsi lilek innifsek dawn iż-żewġ mistoqsijiet bħala ġenitur:

  • Min jikkontrolla l-ħin tat-tfal tiegħi fuq il-mobile jew tablet?

Ir-risposta kellha tkun inti bhala ġenitur. Jekk għandek tifel jew tifla u l-ħin fuq il-mobile jiddeċiduh huma, u jekk int bhala ġenitur tipprova twaqqafhom milli joqgħodu fuq il-mobile, ma jobdux, din hi xi haġa li trid taħdem fuqha. Il-boss tad-dar, hu l-adult, mhux it-tfal. It-teknoloġija għandha tintuża għal ħin qasir, bil-moderazzjoni: int tiddeċiedi l-ħin mhux it-tfal.

  • Il-ħin fuq il-mobile, tablet eċċ qed jaffettwa attivitajiet oħra?

Il-ħin fuq it-tablet qed jinterferixxi mal-ħin tal-HW, mal-ħin tal-ħruġ bħala familja, mal-ħin tal-ikel, mal-ħin li t-tfal jagħmlu l-extra curricular activities tagħhom? Jekk ir-risposta hi iva, trid taħdem fuq din il-kwistjoni. Int tiddeċiedi kif tqassam il-ħin. Għandu jkun hemm ħin bil-limitazzjoni, għal kollox.

L-aħħar u l-iktar ħaġa importanti li nixtieq nisħaq fuqha hi li rridu nagħtu eżempju tajjeb. Ma nistgħux ngħidu lit-tfal li mhux suppost qiegħdin fuq il-mobile, jekk aħna il-ħin kollu fuq il-mobile. Qattgħu ħin mat-tfal, ilgħabu magħhom, pinġu magħhom, ħuduwhom picnics. Toqgħodux intom stess il-ħin kollu fuq il-mobile għax it-tfal jitgħallmu l-iktar mill-eżempju.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks