Nitkellmu ma’ Sandra Gauci
Sandra, se tkun qed tikkontesta fl-elezzjoni ġenerali li ġejja mal-ADPD. X’ġiegħlek tieħu din id-deċiżjoni, u għaliex mal-ADPD?
In-nies li jsegwuni kull ġimgħa u jaraw il-programm tiegħi Abs news ikkonvinċewni noħroġ. Ħriġt mal-ADPD għax hemm nies onesti li jaqsmu l-istess valuri u prinċipji tiegħi u stmata ħafna.
Liema huma l-kwistjonijiet li taħseb li l-aktar qed jaffettwaw lill-pajjiż u lill-poplu Malti b’mod negattiv bħalissa, u x’tibdil tħoss li hemm bżonn isir?
Il-greylisting hija problema li stajna ngħaddu mingħajrha speċjalment f’ekonomija li għadha qed tipprova tqum fuq saqajha wara l-covid. Kieku kellna l-infurzar u saret azzjoni kif suppost mill-gvern ma konniex nispiċċaw hekk. Diġà konna ħammiġna r-reputazzjoni tagħna bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bil-panama papers u skandli ta’ kuljum. Jekk ma neħduhiex bis-serjetà hemm l-għixien tagħna l-Maltin fin-nofs u n-nies hemm barra donnhom li mhumiex konxji tal-gravità għax qed ibellgħulhom li kollox sew meta fil-fatt le xejn mhu sew.
Bla dubju, huma ħafna li jafuk mill-ABS news. Kif ġiet l-idea li tibda l-ABS News?
L-idea bdiet meta bdejt nara ħafna kuntrarju jsir madwari u ħadd ma jirreaġixxi. Ispiratni Daphne Caruana Galizia u l-mod kif dejjem ippruvat toqgħod għassa fuq min imexxina u huma kienu jafu li hemm hi. Kif inqatlet donnu nfetħu bwieb is-sema u kulħadd beda jagħmel li jfettillu għax l-għassa marret. M’iniex ġurnalista investigattiva però l-ħażin qatt mhu se ngħidlu tajjeb.
Kif tipprepara għal kull filmat li tagħmel?
Nipprepara billi nsegwi l-aħbarijiet u nara xi tkun dik l-aħbar jew argument li jkun qajjem l-interess jew ir-rabja tan-nies. Imbagħad nagħti l-analiżi jew l-opinjoni tiegħi.
Ħafna jinsinwaw li fil-maġġoranza ta’ dak li tgħid tiffavorixxi aktar lill-PN. Xi twieġeb għal dan?
Il-PN ineżistenti. Sparixxa. Dik l-iktar ħaġa kbira li tista’ tmaqdarlu li qagħad gallarija dawn l-aħħar snin u kien aktar mehdi fil-kunflitti interni milli biex ikun oppożizzjoni serja. Aktar għamilt oppożizzjoni jien mis-sufan tad-dar tiegħi milli l-PN mill-Parlament. Jien dejjem għidt li nħoss u personalment dejjem ġejt nitmejjel mill-PN u mill-PL. Nara biss l-interess tal-ħaddiem u taż-żgħir li qiegħed imdawwar bil-klieb il-baħar lesti biex jattakkawh u jużawh.
Int ukoll għalliema. Dak li tagħmel affettwak b’xi mod fix-xogħol tiegħek?
Darba fuq misunderstanding. Il bqija le. Anzi ħafna studenti jammirawni għax kuraġġuża u hemm bżonn ta’ role models bħali u mhux qatta ġifa u lagħqa bla sinsla.
Ġieli kellek tiffaċċja xi reazzjonijiet jew konsegwenzi partikolari minħabba dak li tgħid?
Apparti xi tgħajjir online le. Imma issa drajt.
Għaliex taħseb li l-maġġoranza tal-poplu Malti jħossu offiż bis-satira?
Għax jeħodha personali u hu qrib wisq tal-politiċi. Il-politiku hawn Malta daqs alla trattat u allura la tista’ tmaqdru u lanqas tiżżufjetta bih għax tgħaddi bħala ħadra, għajjura eċċ. Forsi xi darba l-Maltin jaslu jaraw lill-politiku bħala bniedem li suppost iservi mhux jisserva.
Kif tirreaġixxi għall-kummenti negattivi li tirċievi? Jinkwetak il-fatt li wħud minnhom jistgħu jkunu qed jirrapreżentaw il-maġġoranza tas-soċjetà li qed ngħixu fiha llum?
Ninjora għax ikunu tgħajjir. Rari, biex ma ngħidlekx qatt, issib min jiddiskuti l-argument li nkun qed nittratta. Imbilli jgħiduli kerha, qisek raġel u jkellmuni ħażin, mhux se nibża’ tgħid. Anzi jdaħħkuni għax it-tgħajjir juri aktar il-valur ta’ min jgħidu milli ta’ min jirċevih.
Liema suġġett li għadu jitqies bħala tabù tħoss li hemm bżonn inqajmu aktar kuxjenza dwaru?
L-edukazzjoni sesswali. Għamilna passi ‘l quddiem imma l-mentalità hi li niżżufjettaw b’dan l-argument forsi għax jimbarazzana. Il-maġġoranza tan-nies lanqas jafu kif jaħdem ġisimhom u traskurati ħafna rigward is-saħħa sesswali tagħhom li tirrifletti fin-numri għoljin li għandna ta’ STDs u STIs.
‘Il bogħod mill-ħajja pubblika, min hi Sandra Gauci?
Bniedma li nħobb ir-rutina u nħobb noqgħod waħdi. Inħobb ħafna l-qari u mmur kuljum il-gym biex niżvoga. L-hena tiegħi nisma’ lin-nies jitkellmu għax titgħallem ħafna.

X’jagħtik l-aktar sodisfazzjon u xi jbeżżgħek l-aktar fil-ħajja?
L-imħabba tal-istudenti tiegħi tagħtini ħafna sodisfazzjon għax naf li ġenwina. Ibeżżagħni l-mard. Il-bqija ma nibża’ minn xejn.
X’inhi l-akbar lezzjoni li tgħallimt mill-ħajja?
Agħmel dak li tħoss. Tippruvax tintgħoġob għax tinqered. Stand out for the right reasons.
Min huma l-aktar persuni għeżież f’ħajtek?
Ommi u t-tfal.
Hemm xi ħolma partikolari li tixtieq twettaq?
Nixtieq indur l-Italja kollha.

Sandra qasmet magħna wkoll kurżità partikolari li żgur li ma tafux dwarha!

Direttriċi u Editriċi