Aħjar uff, inkella aħħ!

Hekk kienet tgħid in-nanna.

Imma dan mhux dejjem jaqbel – għax kultant, l-“uff” ġieli jdum ix-xhur għaddej, u l-“Aħħ”, jiġi u jmur.

Hawn min filgħodu, qalja jinħasel u jinfatar; basta jitlaq’ il-barra. Jew, almenu, hekk kien il-każ “qabel”. Għax biex inwaqqfu l-firxa tal-koronavirus, l-aħjar ħaġa hi li ma noħorġux jekk mhux għall-bżonn.

Issa din, hawn min ħa gost biha – l-iżjed dawk li setgħu jaħdmu mid-dar, u s-soltu kien ikollhom problema meta t-tfal ikunu bil-vaganzi. Hawn min kieku seta’, kien iħallas il-flus biex ikun iżjed id-dar mal-familja. Iżda hawn għal min, li jkun imsakkar ma’ xi ħadd kattiv, kienet stallett ieħor f’qalbu.

Kemm hawn min jgħid li għandu bżonn ġimgħa leave biex idur dawra mal-bejt u jbajjad…. U meta sab ruħu mhux talli b’ġimgħa, iżda b’xhur sħaħ, kull m’għamel kien li tfattar quddiem skrin u għadda l-ġranet hemm.

Hawn min beża’ jipprova għat-tfal, u hawn min sab ix-xoqqa f’moxtha bla ebda’ bżonn ta’ kalendarji.

Hawn min fl-aħħar irnexxielu jispicca jħit il-qmis li kien beda ħames xhur ilu; u hawn min qara t-turrun kotba li kien se jaqrahom “xi darba”.

Din il-pandemija ġabet magħha tama, dwejjaq, biża’, xokk, u frustrazzjoni. Ħafna bdew jaqilgħu minn żniedhom biex juru kemm huma bravi – u oħrajn iffissaw li jekk xi ħadd iħares lejhom, se jisħithom, u dlonk jimirdu. Hawn min ħa kollox biċ-ċajt; u hawn min marad bid-dipressjoni, għax għalihom hija verament diffiċli li jifhmu eżatt x’hinu jiġri.

Id-distanza li tifridna minn dawn li nħobbu hija xi ħaġa ta’ dwejjaq; infaddlu l-leave u l-flus biex insiefru sa ħdejhom, jew għal vaganza mod ieħor.

Imma mill-mitluf nistgħu nieħdu li nistgħu; tkun idea tajba kieku hekk kif id-distanza kienet iddejjaqna, qabel, għax biex ningħadqu ma’ dawk li nħobbu, inċekknuha bit-teknoloġija.

Flok nitilgħu fuq l-ajruplan, noqgħodu komdi fuq siġġu u nċemplu liz-zija tal-Kanada u lill-kuġini tal-Awstralja… jew lil xi ħadd, hawn Malta stess, li ma tantx għandu min iċempillu.

Żgur li mhux l-istess sensazzjoni li tgħannaq lil dak li jkun – li tiekol miegħu fuq l-istess mejda, u li żżur postijiet sbieħ… imma, ħeqq, xi trid tagħmel?

Tista’ titkellem ma’ xi ħadd ukoll jekk “m’għandekx paċenzja” tikteb ittra. Tista’ tara kif tifel ta’ tliet snin jaċċetta skrin li tieħdu n-naħa l-oħra tad-dinja, u kif nannu ta’ 80 sena bil-mod il-mod ma jibqax jimmeravilja ruħu li qed jitkellem mat-tfal tat-tfal ta’ ħuh li emigra tant snin ilu. Flok vjaġġ bl-ajru, nagħmlu vjaġġ bil-fantasija li ssir realtà bit-teknoloġija.

Imma… qabel ma ċċempel… ara li ma jkunux l-4.00 ta’ filgħodu fil-pajjiż l-ieħor!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks