Is-subien kollha li kien hemm fil-ġnien ġew jiġru lejn dik in-naħa ħalli jaraw eżatt dak il-ħoss x’kien. Raw lil Christopher iżomm mat-tarf tax-xorok b’idejh, b’ġismu mdendel għal isfel.
“Ajjut!” beda jgħajjat, jibki kemm jiflaħ.
“Ma nistgħux niġu ħdejk!” qallu Andrew.
Xi tnejn minn sħabu ppuntaw imorru jiġru lejn it-taraġ iżda Andrew waqqafhom.
“Ħalluh! Inkella nweġġgħu aħna!”
“Għinuni!” beda jwerżaq. Ix-xorok niżlu biċċa oħra.
“Tlaqna ‘l hemm!” ordnalhom Andrew.
Christopher ra lil sħabu jitilqu kollha.
U ħallewh hemm.
Kien qed jolfoq u jibki.
Passi. U dak il-ħin sema’ ħoss ta’ xi ħadd.
U rah.
Jean kien qed iħares lejh mit-taraġ.
“Inzertajt hawn! Ejja ħa ngħinek!” qallu.
B’attenzjoni kbira għadda minn fejn kien l-aktar sod, u mingħajr telf ta’ ħin, qabdu minn idejh u ġibdu ‘l fuq.
Ftit ħin wara, kienu t-tnejn li huma bilwieqfa quddiem xulxin fis-sular t’isfel, eżatt mal-entrata tal-bini. Christopher kien għadu qed iħoss saqajh jirtogħdu.
“Grazzi……” ried jgħidlu, iżda Jean kien diġa’ telaq jiġri.
U l-għada, xħin mar l-iskola ried jevita lil sħabu.
“Aħna għidna li ma jiġrilek xejn!” kixef snienu Andrew.
Iżda Christopher lanqas biss wieġbu, moħħu kien f’Jean u kien qed jgħid bejnu u bejn ruħu li mnalla kien hu li salvah għaliex sħabu kienu abbandunawh fil-mument tal-bżonn.
Iżda l-bank ta’ Jean baqa’ vojt illum ukoll.
“Miss….?” mar Christopher lejn l-għalliema, hekk kif kienet daqqet il-qanpiena biex jitilqu lejn id-dar.
“X’għandek bżonn?” staqsietu l-għalliema.
“Nixtieqek tgħidli fejn joqgħod għax irrid nagħtih rigal. Billi ilu ma jiġi…………”
L-għalliema waqfet qisha statwa, donnha riedet tgħidlu xi ħaġa.
“Jekk jogħġbok…….”
“Ma tistax tagħtihulu. Ġimgħa ilu kellu aċċident.”
“Imma lbieraħ………….ilbieraħ rajtu.”
“Ma jistax ikun,” qaltlu. “Ġimgħa ilu. Eżatt. Kien għadu kemm ħareġ jiġri minn dak il-ġnien tas-siġar twal u tal-weraq niexef. Tajritu karozza. Miet fil-post. ”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks