Kif konna ħabbarna ftit tal-ġimgħat ilu, l-artist lokali Kurt b’kollaborazzjoni mal-artista Taljana KEL nedew l-ewwel kanzunetta oriġinali bl-isem ta’ Not this Time, li diġà qed tintlaqa’ sew mill-udjenzi tal-mezzi soċjali.
Kanzunetta kontemporanja bi ħsejjes etniċi u pop. Ħafna huma sorpriżi b’ dan il-proġett mużikali hekk kif m’aħniex imdorrijin naraw lil Kurt f’dan il-ġeneru partikolari. Bi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar u l-produttur Taljan Jody Bacouccha, u kitba tal-artisti stess, din il-kanzunetta għandha melodija b’saħħitha.

Not this Time għandha messaġġ partikolari ħafna warajha. Ġieli nħossuna mitlufin u ma nkunux għadna sibna lilna nfusna. Fil-fatt dan il-kunċett ġie rrakkontat permezz ta’ atturi lebsin l-iswed bla emozzjoni li jirrappreżentaw id-dell tqil u r-rifless ta’ dak li naħsbu li aħna meta fil-verità ma nkunux għax inkunu għadna qed niskopru. L-użu tal-mirja juru l-isforz ta’ persuna li tkun qed tfittex lilha nnifisha. B’hekk ‘Not this Time’, għax finalment meta ssib lilek innifsek tħossok liberu u kuntent. Il-vidjow jagħlaq bix-xena tal-artisti neżlin fil-baħar sakemm jisparixxu bħala simbolu ta’ ħelsien mir-relazzjonijiet tossiċi li ghaddew minnhom minħabba li ma kinux jafu min tassew huma. Messaġġ intensiv u pożittiv fl-istess ħin.
Kurt u KEL jirringrazzjaw ħafna lil Mixta Drama li taw kontribut qawwi għal dan il-proġett b’mod speċjali lil Clayton Pace, Lenies Gauci, Chanelle Cardona u Justin Axiak. Kienu tassew ta’ spalla u professjonali għall-aħħar! Fl-aħħar u mhux l-inqas lil Tumas Group li offrew post għall-filming.
Il-kanzunetta se tkun disponibbli fuq il-mezzi kollha diġitali fi ftit ġranet oħra.
