Select Page

Nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Lulju, il-kantanta żagħżugħa Shirley Cachia nidiet il-kanzunetta ġdida tagħha bl-isem ta’ Why, miktuba minnha stess u prodotta minn Cyprian Cassar.

Permezz ta’ din il-kanzunetta, Shirley qed twassal il-messaġġ li minkejja li fejn tidħol l-imħabba xi drabi jkun hemm inċertezzi, dubji u mistoqsijiet, ma tridx tevitahom iżda taffaċċja s-sitwazzjoni u tifhem lil ħaddieħor.

Shirley hija kantawtriċi tal-ġeneru RnB u Soul. Il-kanzunetta Why, hija t-tielet kanzunetta oriġinali tagħha, wara ż-żewġ kanzunetta l-oħra li kienet ħarġet, BeGone u All of You.

Il-kanzunetti li kitbet l-artista huma kollha ispirati minn esperjenzi personali jew ġiet hi stess ispirata minn persuni oħra. Fil-fatt hija tgħid li l-kanzunetta All of You, tiddeskrivi kif aħna rridu naċċettaw lil kulħadd kif inhu.

“Every Flaw, every weakness, every part of what makes you.”

Fil-futur qarib tagħha Shirley se tkun qed taħdem fuq aktar materjal mużikali oriġinali, fejn hi se tkun qed taħdem ukoll biex toħrog EP bil-kanzunetti oriġinali tagħha.

Shirley tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li jissapportjawha fil-karriera tagħha, speċjalment lil Cyprian Cassar, Black Corners Production u t-tim artistiku li bil-kreattività u l-ħiliet tagħhom irnexxilhom jagħmlu l-ideat li kellha isiru realtà.

Il-kanzunetti ta’ Shirley huma kollha disponibbli fuq il-mezzi kollha soċjali tagħha kif ukoll fuq is-sit elettroniku tagħha: HOME | Shirley (shirleycachia.com)

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks