It-terminu Midja Soċjali jirreferi għal apps bħal Facebook, Instagram, Tiktok, Youtube, WhatsApp eċċ. Kull min għandu aċċess għal mobile, tablet, laptop eċċ, għandu aċċess għal midja soċjali għax jista’ jniżżel dawn l-apps. It-tfal jużaw il-Midja Soċjali għall-istess raġunijiet bħall-adulti: jagħmlu profile tagħhom, jitfgħu kummenti, jiċċetjaw, itellgħu ritratti u vidjows eċċ.
Hemm diversi benefiċċji tat-teknoloġija u Midja Soċjali. Il-Midja Soċjali hi mezz kif it-tfal u l-adoloxxenti jesprimu ruħhom soċjalment u kreattivament. Jużaw il-Midja Soċjali biex jieħdu pjaċir, jagħmlu ħbieb, isibu l-identità tagħhom u jkellmu lil sħabhom. Il-Midja Soċjali saret estensjoni tal-interazzjonijiet face to face – jiġifieri t-tfal imorru l-iskola u fiżikament jitkellmu ma’ sħabhom, imbagħad imorru d-dar u jkomplu jkellmuhom online. B’hekk, it-tfal u l-adoloxxenti għandhom kuntatt ma’ sħabhom il-ħin kollu. Il-midja soċjali pereżempju kienet ta’ għajnuna kbira għalina fi żmien il -Covid – it-tfal u l-adoloxxenti setgħu jibqgħu safe id-dar u xorta jkellmu lill-ħbieb tagħhom.
Il- Midja soċjali però, għandha ħafna riskji, għal kulħadd, aħseb u ara għat-tfal. Dawn jinkludu li t-tfal:
- Jaraw vidjows jew ritratti mhux xierqa – aggressivi, vjolenti, sesswali eċċ.
- Itellgħu affarijiet mhux xierqa – ritratti provokativi jew vidjows tagħhom jagħmlu affarijiet imbarrazzanti.
- Jagħtu informazzjoni privata tagħhom lil nies li ma jafux- indirizzi, numri tal-mobile eċċ.
- Cyber Bullying.
X’nistgħu nagħmlu biex it-tfal nipproteġuhom minn dan kollu? Hawn ġenituri li sa età partikolari li jiddeċiedu huma, it-tfal ma jkollhomx aċċess għat-teknoloġija u l-midja soċjali. Jekk int bħala ġenitur iddeċidejt li ħa tagħtihom mobile jew tablet, hawn xi affarijiet li tista’ tagħmel:
- Il-mobile dejjem jibqa’ tiegħek, bħala ġenitur u allura int għandek id-dritt u d-dmir li tiċċekkja kuljum xi jkun qed jiġri fuqu.
- Oħloq atmosfera d-dar fejn it-tfal iħossuhom komdi jitkellmu miegħek fuq dak li jaraw online.
- Fehemhom li hemm ċertu affarijiet li ma nagħmlulhomx online, spjegalhom li jekk jitfgħu xi ħaġa online, m’għandhomx garanzija ta’ min ħa jarah.
- Importanti wkoll li tkun taf x’apps qed jużaw it-tfal u titgħallem tużahom int ukoll. Pereżempju bħalissa t-tfal qed jużaw ħafna Tiktok. Ara x’inhu, araw Tiktok flimkien, ara x’vidjows qed jitfgħu t-tfal tagħkom, min qed jikkumentalhom, x’qed jikkumentalhom, x’messaġġi deħlin u x’vidjows qed jaraw.
- Iċċekkja anke li l-apps li qed jużaw it-tfal huma ta’ l-età taghhom. Per eżempju, Facebook, Instagram u Tiktok kollha għandhom age restriction jiġifieri, irid ikollok 13-il sena biex ikollok account. Jekk t-tfal tiegħek għandhom taħt it-13 il sena, suppost lanqas jużaw ċertu apps, u iktar u iktar għandek id-dmir u responsabiltà li tkun taf x’qed jagħmlu fuqhom il-ħin kollu.
- Agħmel pjan int, bħala ġenitur mat-tfal ta x’ħin jistgħu jużaw il-midja soċjali, fejn jistgħu jużaw il-midja soċjali, x’jistgħu jippostjaw u x’kummenti għandhom ipoġġu. Dejjem għallimhom biex jiġu għandek kif jaraw xi haġa li mhux xierqa.
L-iktar haġa importanti hi li l-ġenituri jkunu ta’ eżempju. Waqt ċertu ħin, pereżempju waqt l-ikel, toqgħodx fuq il-mobile jekk ma tixtieqx li t-tfal ikunu fuq il-mobile. Jekk ma tixtieqx li t-tfal jgħaddu kummenti mhux xierqa, mela ara li inti ma ttellax kummenti mhux xierqa. Importanti wkoll li toħloq atmosfera fejn t-tfal iħossuhom komdi jitkellmu miegħek fuq l-affarijiet li jaraw online.
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
79397852