Żewġ żgħażagħ b’imħabba kbira lejn il-mużika ltaqgħu b’kumbinazzjoni u flimkien ħolqu kanzunetta tal-widna b’ħoss ritmiku għas-sajf. Dak hu l-aħjar mod biex tiddeskrivi lil Ryan Paul, Rachel Lowell u l-kollaborazzjoni tagħhom li ġġib l-isem ta’ You & I.
Dan id-duo ta’ talent ġie flimkien b’mod speċjali għal dan il-proġett, iżda l-impatt tagħhom fix-xena tal-mużika lokali individwalment, diġà kien jinħass.
Segwaċi tal-ġeneru dance, il-kompożitur u produttur ta’ You & I, Ryan Paul huwa responsabbli għal diversi kanzunetti ta’ suċċess fosthom: Fine u Cosmic Gate, li bejniethom ġew imdaqqa’ aktar minn 150,000 darba fuq il-pjattaforma Spotify, filwaqt li l-kantawtriċi Rachel Lowell għamlet isem għaliha nnifisha fix-xena tal-festivals lokali, bir-rebħ tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza permezz tal kanzunetta Li Stajt Nagħżel Jien lura fl-2019, kif ukoll klassifikazzjoni fit-3 post fl-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Minn Kajfas Għal Għand Pilatu, ukoll fl-2019.
Il-ġimgħa l-oħra, permezz ta’ Facebook, Rachel qalet “Ryan Paul għoġbu leħni, u saqsieni hux interessata li naħdem kanzunetta miegħu.” Żiedet tgħid ukoll li mal-ewwel demo, riedet tagħmilha, tant hu hekk li anke xtaqet li tagħti kontribut permezz tal-lirika.

It-tnedija ta’ You & I huwa appoġġjat b’vidjow ta’ lirika, prodott lil hinn minn xtutna, li jagħti nifs lill-messaġġ universali tal-kanzunetta filwaqt li jaġevola l-element ta’ pjaċir.
Mil-lum, You & I hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon u iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.
