Select Page

Partikolarment f’dawn l-aħħar snin ta’ spiss qed nisimgħu allegazzjonijiet u dikjarazzjonijiet xejn sbieħ dwar is-sitwazzjoni tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Peppi Azzopardi u l-Prof. Andrew Azzopardi huma fost dawk li qed jisħqu li s-sitwazzjoni preżenti tal-ħabs hija waħda li tmur kontra d-drittijiet umani kollha u li dan il-post li suppost huwa ta’ riabilitazzjoni, qed iservi aktar ta’ ħsara.

Fost dak kollu li smajna dwar is-siġġu tal-kastig, kundizzjonijiet li mhumiex xierqa relatati mal-pandemija, suwiċidji, Peppi Azzopardi żvela wkoll li n-numru tat-telefown tiegħu u ta’ Xarabank ġew imblukkati għall-priġunieri, biex dawn ma jkunux jistgħu jikkomunikaw miegħu. Wara dan, proprju ftit tal-ġranet ilu tħabbar li t-tmexxija tal-ħabs iddeċidiet li dawn in-numri ma jibqgħux imblukkati.

Ftit ġimgħat ilu wkoll, il-Broadcasting Authority sabet lit-tmexxija tal-ħabs ħatja ta’ filmat li juri s-sitwazzjoni tal-ħabs ferm differenti milli fil-fatt hi. Dan wara li Peppi u l-Prof. Andrew Azzopardi editjaw il-filmat b’dak li skont huma hi r-realtà tal-ħabs preżenti.

Aktar kmieni llum ġie kkonfermat ukoll li din il-ġimgħa nstabet id-droga fil-ħabs u li ttieħdu azzjonijiet dixxiplinarji, iżda għadu mhux magħruf x’tip ta’ droga nstabet u kif daħlet fil-ħabs.

F’post riċenti li qasam fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, il-Prof. Azzopardi ddeskriva l-ħabs bħala “il-ħabs tal-ħabi”.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks