Il-Forti Rikażli hija l-aħħar u l-ikbar fortizza li bnew il-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-port il-kbir. Din il-fortizza nbniet fuq il-promontirju li prattikament huwa d-daħla tal-port u għalhekk kienet importanti ħafna biex tiddefendi d-daħla tal-port imma wkoll biex bis-saħħa tas-swar li għandha jħarsu fuq il-baħar kienet tajba biex ma tħalix lill-għadu jersaq lejn l-inħawi tal-port

Qabel inbniet din il-fortizza hawnhekk konna nsibu torri ċkejken li jingħad li kien inbena fi żmien il-medjuevu imma sal-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530 minn dan it-torri ma kien fadal xejn.

Waqt l-assedju l-kbir it-Torok kienu waqqfu batterija fuq dan il-lok u din kienet strumentali fil-waqa ta’ Sant Irmu. Dan juri kemm dan il-promontorju għandu post strateġiku fid-difiża tad-daħla tal-port.

Għalkemm dan il-post kien importanti fid-difiża donnu l-Ordni dejjem baqgħet tistenna li jinqala xi benefattur biex tiffortifika din l-art u għalhekk naraw li fis-sena 1629 il-Kavallier Alessandro Orsi ħareġ il-flus biex hawn inbena torri mdaqqas biex jiddefendi d-daħla tal-port. Dan it-torri issemma Torre San Petronjo imma n-nies baqgħet issejjahlu Torre Orsi

Kien għall-ħabta tas-sena 1670 meta ġie Malta l-inġinier Volperga u dan issuġġerixxa biex tinbena din il-fortizza. Indaħal il-Kavallier Govanni Francesko Ricazoli u dan ħareġ is-somma ta’ 20,000 skud u b’hekk ix-xogħol seta’ jinbeda. Il-Kunsill tal-Ordni ddeċieda li din il-fortizza ġdida tibda tissejjaħ Forti Rikazoli.

Għall-ħabta tas-sena 1696 ix-xogħol tal-bini kien lest għalhekk il-fortizza bdiet titgħammar bil-kanuni u b’dak kollu neċessarju biex din setgħet tibda tiffunzjona. Meta kienet lesta kien innutat il-fatt li s-swar tagħha li jħarsu lejn il-baħar kienu esposti wisq għall-qilla tal-mewġ u għalhekk kien ikollhom bżonn ta’ tiswija ta’ spiss. Minbarra hekk ħafna esperti militari kienu jsostnu li din kellha ħafna difetti ta’ strateġija u kielu kellha tintuża’ waqt attakk kienet tkun kemxejn dgħajfa.

Bħal kważi l-kuplament tal-fortizzi tal-Ordni f’dawn l-inħawi b’eċċezzjoni għall-Birgu l-Isla u Sant Iermu. Dawn qatt ma ntużaw waqt xi attakk dirett fuqhom għalhekk dejjem tibqa’ mistoqsija kinux tajbin jew le. Però l-fatt ta’ daqshekk fortifikazzjonijiet konċentrati dejjem qata’ qalb kulħadd biex jattakahom.

Fi żmien il-Franċiżi din il-fortizza kienet waħda minn dawk il-postijiet li żammew il-Franċiżi u għalhekk kellhom ikunu l-Maltin dawk li jattakkawha. X’ironija li s-swar li nbnew biex jiddefendu lill-Maltin kellhom ikunu huma biss li kellhom jiġġieldu kontrihom.

Fi żmien it-tieni gwerra dinjija din il-fortizza bħall-kumplament tad-dawra tal-portijiet batiet mill-qilla tal-attakki tal-għadu u għalhekk ġarbet ħafna ħsarat li ħafna mill-effett tagħhom għadu jidher sal-lum.

Għal bosta snin din kienet fi stat ta’ abbandun li kompla żied il-ħsara fil-bini tagħha. Kienet tintuża’ ukoll mid-dwana ta’ Malta iżda qatt ma kienet ikkurata bħala fortizza.

Dawn l-aħħar snin bdiet tintuża’ għall-bini tas-settijiet tal-films u dan kien isir flimkien ma’ xi xogħol ta’ restawr. Iżda dan mhux biżżejjed u għalhekk hemm bżonn iminenti li din il-fortizza tibda tiġi restawrata kif suppost għax wisq nibża’ li għal ċerti partijiet tagħha se jkun tard wisq jekk ma jsirx xi forma ta’ intervent.

Films:

The Count of Monte Cristo

Gladiator li kien suċċess kbir għal Russell Crow

Troy li kien suċċess għal Brad Pitt

Agora

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks