Select Page

U bdiet ix-xita.
Bejn għax kien nofsu mdamdam bl-inbid kollu li kien għadu kemm niżżel u bejn għax kellu moħħu mistrieħ li ġab umbrella mdaqqsa miegħu, qal lil sħabu li kien sejjer id-dar.
“Nieżla ġmielha ta!” qallu sieħbu, li kien għadu qed ilegleg grokk whisky u jkemmex moħħu għall-kenn tal-fuklar.
L-oħrajn, li kienu kollha mxaħxħin fuq is-sufan bil-fliexken tal-birra bdew igergru. Il-kumpanija tiegħu vera kienet togħġobhom.
Axel kien l-iżgħar wieħed fosthom, iżda l-aktar wieħed matur u bilgħaqal. Ta’ ħamsa u għoxrin sena, kien diġà beda jmexxi d-ditta tal-ħwienet ta’ missieru.
“Axel…….tgħidlix li diġà sejjer?” staqsieh ieħor, li kien sid id-dar.
“Għajjien u għada xogħol,” weġibhom, hekk kif ħares barra mit-tieqa u nduna li ħlief ċpar ma kienx qed jara. Bejn għax il-ħġieġa tal-kamra kienet imtappna bin-nifsijiet sħan tagħhom u bejn għax għajnejh kienu saru żlieġa, berraq ftit għajnejh iżda xorta ma kienx qed jara sew. Għalxejn kien ħalef miegħu nnifsu li llejla ma kienx se jixrob! Kull meta kien jiltaqa’ ma’ dawn sħabu dejjem hekk kienu jispiċċaw! U għalkemm kien joqgħod daqs xi siegħa mixi ‘l bogħod minn hawn, ma kienx ġie bil-karozza ħalli jekk jixrob ma jsuqx!
“Ħallejtkom ħbieb! Għal darb’oħra!”
U bla ma ħallihom jeqirdulu aktar, f’minuta waħda kien mexa lejn il-bieb, qabad il-pum, dawru, fetaħ l-umbrella u xiref ‘il barra.
Malli rifes il-bankina u sema’ l-bieb jingħalaq warajh ħass l-arja ffriżata ta’ barra taħtfu minnufih. In-nifs li beda ħiereġ minn ħalqu kien qed jagħmel daħna żgħira sħuna quddiem wiċċu waqt li beda jisma’ l-ħoss tax-xita nieżla madwaru. Id-dlam li kien hawn, kien qed ikanġi bil-kuluri tad-dwal tat-toroq u ta’ xi reklam tal-ħwienet li kien hemm kull tant bibien ‘l hemm u ‘l hawn. Irringrazzja lil ommu f’qalbu talli kienet saħqitlu biex jilbes ġakketta ħoxna, u kebbisha aktar miegħu hekk kif beda miexi fuq il-bankina, jisma’ l-ħoss taż-żarbun jirfes l-għadajjar żgħar li kienu diġà bdew jiffurmaw ma’ kullimkien.
U erħielha għal għonq it-triq, il-ħin kollu jżomm l-umbrella sew kontra r-riħ ħalli ma tinqaliblux. Dak il-ħin beda jixtieq li kien diġà wasal id-dar, mitfuh fis-salott t’ommu maġenb il-fuklar bil-gverta fuq saqajh u tazza kamomilla, fil-wens tas-sħana u l-kenn.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks