Għandek bżonn (għal bejn 4 u 6 porzjonijiet):

(Dan il-platt tista sservih ma’ ross jew mal-ħobż, preferibilment Naan. Għalhekk in-numru ta’ porzjonijiet ivarja skont ma’ xiex isservih).

Kilo biċċiet tat-tiġieġ mingħajr għadam. (Jien użajt koxox tat-tiġieġ mingħajr għadam)

Għall-immarinar:

Żewġ kuċċarini bżar abjad, żewġ kuċċarini melħ

Ħwawar sħaħ:

Tmien imżiewed kardamomi ħodor sħaħ

Żewġ imżiewed sħaħ tal-kardamomu iswed

Tmien imsiemer tal-qronfol sħaħ

Stikka waħda tal-kannella, imqatta’

Għoxrin bżar iswed sħiħ (peppercorns)

Biċċa waħda sħiħa tan-noċemuskata

Pejst tal-anakardju (cashews) u tal-lewż: (Dawn ħawwadhom ġo mixer tal-ikel sakemm ikollok pejst.)

12-il anakardju

12-il lewża

Ftit qtar ilma

Pejst tat-tewm u l-ġinġer: (Dawn ħawwadhom ġo mixer tal-ikel sakemm ikollok pejst.)

Biċċa żgħira waħda sħiħa tal-ġinġer imqatta’

4 sinniet tewm mill-kbir imqatta’

Ftit qtar ilma

(Dan tista’ wkoll tixtrih lest f’vażetti. F’dak il każ, żewġt imgħaref)

Żewġt imgħaref żejt

Żewġ basliet ta’ daqs medju, maħkukin

5 imgħaref jogurt Grieg

Sitt ċili aħdar imfellgħin. Jew, mgħarfa flakes taċ-chilli

5 imgħaref krema friska

Mgħarfa għasel

Mgħarfa butir

150ml ilma

Kuċċarina ħwawar fenugreek

Mgħarfa ħwawar Garam Masala

Metodu:

  • Ibda billi tħallat il-melħ u l-bżar abjad flimkien. Imbagħad għorok it-taħlita fil-biċċiet tat-tiġieġ, u aċċerta ruħek li jkunu miksija sewwa.
  • Għatti bi stretch & seal u poġġiha fil-friġġ.
  • Imbagħad ipprepara l-pejst tal-lewż u tal-anakardju (cashew), kif wkoll il-pejst tal-ġinġer u t-tewm bl-użu ta’ mixer tal-ikel. Poġġihom fil-ġenb meta jkunu lesti.
  • Issa saħħan iż-żejt f’taġen fond. Meta ż-żejt ikun jaħraq, baxxi n-nar u żid il-ħwawar is-sħaħ kollha. Ħawwadhom u malli jibdew iffaqgħu, żid il-basal maħkuk.
  • Ħawwad, u sajjar fuq nar medju għal 3 minuti, waqt li tiżgura li l-kulur ma jinbidilx.
  • Issa żid il-pejst tat-tewm u l-ġinġer, ħawwad u sajjar għal żewġ minuti.
  • Żid it-tiġieġ l-immarinat, żid in-nar għal għoli u aqli għal 4 minuti.
  • Baxxi n-nar u kompli sajjar għal 4 minuti oħra sakemm il-biċċiet tat-tiġieġ jieħdu kulur kannella ċar.
  • Fuq nar baxx żid il-jogurt u l-bżar aħdar l-imfellel (jew il-flakes taċ-chilli). Ħallih isir fuq nar baxx, waqt li tħawwad kontinwament għal 4 minuti sakemm iż-żejt jissepara.
  • Neħħi l-biċċa sħiħa tan-noċemuskata (u kwalunkwe biċċa kbira oħra mill-ħwawar is-sħaħ jekk tippreferi. Jien inneħħi l-biċċa tan-noċemuskata biss.)
  • Ħawwad sew. Għatti t-taġen u ħallih itektek fuq nar baxx għal 15-il minuta, sakemm il-biċċiet tat-tiġieġ issir tari.
  • Wara 15-il minuta, neħħi l-għatu u żid il-pejst tal-lewż u tal-anakardju.
  • Żid il-krema friska u l-150ml ilma.
  • Ħawwad sewwa u erġa’ għatti t-taġen.
  • Ħalliha ttektek fuq nar baxx għal 10 minuti.
  • Imbagħad żid il-Garam Masala, il-fenugreek, l-għasel u l-butir.
  • Ħawwad tajjeb ħafna u ħallih isajjar għal żewġ minuti.
  • Neħħi t-taġen minn fuq in-nar u ħalli t-tisjira toqgħod għal 10 minuti qabel ma sservi.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks